Lokali

AĠĠORNATA: “Ħbieb tal-ħbieb” – jinkixfu il-manuvri fil-bejgħ tal-passaporti

Il-Ministri jiċħdu - il-Gvern Malti jispiċċa umiljat mad-dinja
Siltiet mill-investigazzjoni ta’ M6

Ġurnalisti Franċiżi li produċew il-programm Enquête Exclusive tat-22 ta’ Settembru, kixfu dak li huma sejjħu rabtiet mill-qrib li hemm bejn aġenti tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u membri tal-Kabinett ta’ Muscat.

Rappreżentanti tad-ditta legali Chetcuti Cauchi inqabdu b’kamera moħbija jikkummentaw dwar il-manuvri tagħhom biex ibiegħu l-passaporti bl-iskema tal-IIP. L-identita’ ta’ dawn ir-rappreżentanti ġew moħbija mill-produzzjoni.

F’waħda mill-istqarrijiet li l-aktar tixxokja, wieħed mir-rappreżentanti jispjega kif fil-proċess biex tikseb il-passaport Malti b’din l-iskema “jistgħu jagħlqu għajnejhom”. Dan apparti li l-produzzjoni tirreferi għat-tmexxija tal-Gvern f’Malta bil-frażi “ġenna ta’ korruzzjoni”.

Il-ġurnalisti Franċiżi kienu qed jippużaw taparsi aġenti ta’ klijenti fl-Afrika li riedu jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

L-investigazzjoni tal-ġurnalisti Franċiżi

Fil-programm li xxandar il-ħadd, ir-rappreżentanti Maltin ma jiddejqu xejn isemmu l-ħbiberiji li għandhom mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia. Ma jonqsux li jżevvnu wkoll isem il-Ministru Owen Bonnici.

Jidher li l-Ministri li issemmew fil-produzzjoni Enquête Exclusive qed jiċħdu dawn l-akkużi li saru. Għakemm fi ftit sigħat – quddiem din l-umiljazzjoni – il-Gvern spiċċa dahru mal-ħajt u kellu jissospendi l-liċenzja tad-ditta Chetcuti Cauchi.