Internazzjonali

Il-ħarsien tal-klima: Greta Thunberg tixli lill-mexxejja tad-dinja dwar nuqqas ta’ azzjoni

Greta Thunberg, l-attivista adolexxenti Żvediża li saret magħrufa fuq livell internazzjonali, infurmat lill-mexxejja tad-dinja, waqt laqgħa, ‘li huma naqsu milli jieħdu azzjoni biex jikkontrollaw il-bidliet fil-klima’.

‘Sraqtuli t-tfulija bil-kliem fieragħ tagħkom’ kien wieħed biss mill-kummenti mqanqla ta’ Thunberg waqt is-summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima li qed ikun organizzat fi New York bil-parteċipazzjoni ta’ 60 mexxej tad-dinja.

Is-summit ta’ jum qed isir fuq l-inizjattiva tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Antonio Guterres li qal, qabel, li l-pajjiżi jistgħu jkollhom biss leħen fis-summit jekk jippreżentaw pjani ta’ azzjoni għat-tnaqqis tal-carbon emissions.

Il-Brażil u l-Arabja Sawdija huma fost il-pajjiżi li mhumiex jieħdu sehem fis-summit.

Dan waqt li Greta Thunberg wissiet li ‘għajnejn dawk kollha interessati fil-klima se jkunu fuq il-mexxejja tad-dinja li jeħtieġu jieħdu azzjoni urġenti biex jindirizzaw il-kriżi’. Qabel il-laqgħa, ix-xjenzati wissew li qegħdin jirrankaw is-sinjali u l-impatti tal-global warming.

Skont l-0rganizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) l-ammont ta’ carbon dioxide li spiċċa fl-atmosfera tad-dinja bejn l-2015 u l-2019 kiber b’20 fil-mija meta paragunat ma’ tal-ħames snin preċedenti.