Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli, jawgura suċċess lill-istudenti u l-edukaturi fil-bidu ta sena skolastika ġdida. Dan huwa żmien sabiħ, ta’ esperjenzi ġodda u opportunitajiet għall-istudenti Maltin u Għawdxin. L-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta għas-suċċess ta’ pajjiżna, pajjiż mogħni bl-aqwa riżorsa dik umana.
Il-PN għandu għal qalbu l-edukazzjoni. Mill-Gvern wettaq rivoluzzjoni siekta li fissret Università tal-aqwa kwalita’ u kulleġġi u skejjel ġodda kull sena. Din ir-rivoluzzjoni fissret tama ġdida għat-tfal Maltin u Għawdxin, opportunitajiet kbar ta’ tagħlim u avvanz soċjali. Il-PN investa bil-kbir fl-edukaturi u tagħhom l-għodda meħtieġa sabiex javvanzaw fil-karriera tagħhom, anke jekk fadal ħafna aktar x’isir.
Il-PN jinnota l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-edukaturi u l-istudenti. Fost dawn, nuqqas ta investiment fil-professjoni tal-edukaturi bil-konsegwenza li l-Gvern, minflok jinvesti fl-għalliema qed iħares lejn l-importazzjoni ta’ edukaturi barranin, xi ħaġa li qed tinkwieta lill-edukaturi u lill-istudenti u l-ġenituri tagħhom. Hemm ukoll nuqqas ta’ investiment fl-iskejjel, bil-konsegwenza li l-istudenti qed jitpoġġew f’mobile classes, nuqqas ta dinjità għall-istudenti u l-għalliema.
Gvern Nazzjonalista jfittex li jinvesti b’saħħtu kollha fl-edukazzjoni. Fl-edukazzjoni l-PN ma jixxaħħaħ qatt.
//= $special ?>