Ewropa Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Il-President jiltaqa’ mal-Ministru tal-Intern Taljan

Ritratt: Matthew Tabone
Lamorgese tappella għal soluzzjoni Ewropea

Fi tmiem il-Laqgħa Ministerjali Ewropea tal-Immigrazzjoni, il-Ministru Taljan ġdid tal-Intern, Luciana Lamorgese, għamlet żjara ta’ kortesija lill-President ta’ Malta, George Vella, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton.

Din kienet l-ewwel żjara tal-Ministru tal-Intern il-ġdid Taljan f’pajjiżna wara r-riżenja tal-Mexxej Taljan tal-Partit Lega, Matteo Salvini, wara li kkollassat il-koalizzjoni tal-Gvern.

Lamorgese saħqet li se tkun qed tara li l-Italja tikkoordina ma’ Malta, żewġ pajjiżi tant viċini ġeografikament u li jaqsmu l-piż tal-istess problema tal-immigrazzjoni.

Qalet li l-immigrazzjoni hija problema Ewropea li teħtieġ soluzzjoni Ewropea. Intant, il-President ta’ Malta, George Vella, wera t-tħassib tiegħu dwar il-problema tal-immigrazzjoni fil-Mediterran u talab għall-aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi issa li hu stabbilit Gvern ġdid Taljan.

Fi tmiem iż-żjara ta’ kortesija, il-Ministru Taljan iffirmat il-ktieb tal-viżitaturi tal-Palazz ta’ Sant’ Anton. Preżenti għaż-żjara kien hemm l-Ambaxxatriċi Maltija għall-Italja, Vanessa Frazier, u l-Ambaxxatur Taljan għall-Malta, Mario Sammartino.