Ix-xena politika f’Iżrael kapaċi tgħaddi mill-bidliet notevoli wara li grupp ta’ deputati Iżraeljani-Għarab irrakkmandaw biex l-eks Kap tal-Armata, Benny Gantz, jilħaq Prim Ministru ġdid f’dan il-pajjiż.
L-aħħar żviluppi qed isiru wara li l-Prim Ministru Iżraeljan u Kap tal-Partit Likud, Benjamin Netanyahu u Gantz, tal-Alleanza tal-Blu u Abjad, spiċċaw prattikament ras-imb-ras fl-elezzjoni ġenerali tal-ġimgħa l-oħra — biż-żewġ rivali kbar qegħdin jistinkaw għal koalizzjoni ġdida biex tmexxi lil Iżrael.
L-elezzjoni ġenerali kienet it-tieni f’Iżrael mill-bidu tas-sena u kellha ssir wara li ma wasslu mkien it-taħditiet inizjali għal koalizzjoni wara l-vot ta’ April li għadda.
Fl-elezzjoni tal-ġimgħa l-oħra, il-grupp tal-partiti Għarab, bl-isem ‘Lista Konġunta’, spiċċa t-tielet l-akbar forza politika u issa qed jgħid li jrid iqaċċat lil Netanyahu mill-poter. Din hi anki l-ewwel darba mill-1992 li grupp politiku Għarbi f’Iżrael ħareġ stqarrija ta’ approvazzjoni għall-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Iżrael, Reuven Rivlin, irid jagħmel li jista’ biex jevita l-possibbiltà ta’ ‘tielet elezzjoni’ u qed jirrakkmanda Gvern ġdid li jinkludi lill-alleanza ta’ Gantz (li rebħet 33 siġġu) u l-Likud ta’ Netanyahu ( bi 33).
//= $special ?>