Lokali

L-għoli tal-ħajja jkompli jisplodi ‘l fuq

Fl-aħħar sentejn kien hemm żieda kostanti fil-prezzijiet

Il-piż li qed iħossu diversi familji, ħaddiema u anzjani qed jiġi rifless anke fl-istatistika, hekk kif ċifri tal-NSO illum ikkonfermaw l-għafsa tal-prezzijiet u l-pressjoni li ġejja mill-għoli tal-ħajja – inflazzjoni li qed tkompli tiber xahar wara l-ieħor.

L-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Awwissu l-għoli tal-ħajja żdied minn 1.68% għal 1.75%. Apparti dan, fuq perijodu ta’ sena ukoll kellna żieda konsistenti fl-għoli tal-ħajja bi prezzijiet ta’ prodotti bażiċi jiżdiedu b’mod konsiderevoli.

Skont l-NSO, fis-Sajf kellna żidiet f’kollox – żdied l-ikel, żdiedu l-ispejjes relatati mad-djar, żdiedu l-prezzijiet tax-xorb, prodotti ta’ kura personali, prodotti mediċinali, servizzi u diversi affarijiet oħra li nużaw ta’ kuljum.

Fl-aħħar 12-il xahar rajna lista twila ta’ prodotti li l-prezz tagħhom żdied. Kellna żieda fil-prezz tal-ħalib, il-ħobż, prodotti bħall-ġobon u yogurt, kif ukoll żdied il-prezz tal-bolol. Dan apparti d-daqqa enormi li ħalliet fuq il-ħaddiema ż-żieda fil-prezz tal-petrol u d-diesel.