Ambjent Lokali

L-inkompetenza tal-Ministru Herrera għandha prezz għoli li qed inħallsuh aħna lkoll – PN

Il-PN ma jistax ma jesprimix it-tħassib tiegħu għad-diversi lmenti li qed jaslulu minn diversi residenti u negozji mill-Marsa u Marsaskala għall-intejjen qawwija ħafna li ħerġin mill-inċineratur tal-Marsa (Thermal Treatment Facility) u mill-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala.

Il-PN permezz ta’ stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives Jason Azzopardi qal li jaf b’tal-anqas każ wieħed, li anke l-ERA taf bih, fejn ftit jiem ilu mpjegati tal-inċineratur tal-Marsa kellhom jittieħdu l-isptar jivvumtaw minħabba l-arja mniġġsa bl-intejjen tal-inċineratur, ħaġa dovuta biss għall-inkompetenza tal-Ministru għall-Ambjent li m’għamilx l-investiment neċessarju f’dan l-impjant.

Dwar il-qagħda mwegħra tal-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala, l-PN jfakkar li wara li f’Mejju 2017 dan l-impjant ħa n-nar tort tat-traskuraġni u l-inkompetenza tal-management tal-WasteServe, u wara li f’Ottubru 2017 il-Prim Ministru u l-Ministru Herrera wegħdu li se tinbena shed ġdida biex tieħu post dik li nqerdet, il-PN jinnota li din hija wegħda oħra li baqgħet fl-ajru. Sal-lum, sentejn wara, lanqas pjanċa waħda li hi waħda minn din ix-shed ġdida ma twaħħlet.

Huwa fatt ukoll li tlieta mill-erba’ digesters tal-impjant ta’ Sant’Antnin ilhom xhur bil-ħsara u li qed jitħallew għadajjar kbar ta’ sludge li jinten u qed initten l-akkwati. 

Daqskemm huwa fatt li fl-impjant tal-Maghtab (Malta North) hemm ħafna apparat bil-ħsara b’ċineg maqtugħin għal xhur sħaħ bil-konsegwenza li mhux issir kif suppost is-separazzjoni tal-kontenut tal-borża l-griża li qed jispiċċa mirdum.

Huwa tassew każ li ħadd ma jirbaħ lill-Ministru għall-Ambjent għall-weghdi fl-ajru. Il-konsegwenza ta’ din l-inkompetenza tal-Ministru għall-Ambjent hija li r-residenti u negozji f’Marsaskala qed ibatu minn intejjen u rwejjaħ kbar li huma ta’ ħsara għas-saħħa.