Lokali

L-iskandlu tal-bejgħ tal-passaporti huwa konferma tal-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna – PN

L-iskandlu tal-bejgħ tal-passporti li ġie żvelat fis-sigħat li għaddew mill-midja internazzjonali huwa konferma tal-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna. Id-deċiżjoni tal-Gvern li jissospendi l-liċenzja tad-ditta li tissemma fl-iskandlu tal-bejgħ passaporti, hija ftit wisq u tard wisq. Il-ħsara għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna saret diġa’ u jidher li se tibqa’ ssir. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, iċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina.

Fid-dawl ta’ dan l-aħħar skandlu li jinvolvi l-bejgħ tal-passaporti, l-PN jitlob li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti (IIP) tiġi sospiża b’effett immedjat u li tinfetaħ inkjesta biex ikun investigat il-bejgħ ta’ kull passaport Malti li għadda minn taħt idejn id-ditta li nqabdet tiftaħar bir-rabtiet u influwenza li għandha mal-Prim Ministru u ma’ bosta ministri tal-Gvern Laburista.

Il-PN ilu sa mill-bidunett iwissi li l-iskema ta’ bejgħ tal-passaporti hija skema li tagħti isem ħażin lil pajjiżna u tirvina r-reputazzjoni tajba li pajjiżna rnexxielu jikseb fuq numru twil ta’ snin. Issa ġie kkonfermat li ditta nvoluta fil-bejgħ tal-passaporti nqabdet tiftaħar li għandha rabtiet u influwenza fuq il-Prim Ministru u bosta ministri tal-Gvern Laburista. Minn dak li ġie żvelat jirriżulta wkoll li din id-ditta saħansitra tista’ tirranġa biex l-awtoritajiet ta’ pajjiżna jagħlqu għajn waħda meta persuni b’rekord kriminali jkunu jridu jixtru passaport Malti.

Dan kollu juri kemm id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jbiegħ iċ-ċittadinanza Maltija qed tpoġġi f’riskju kbir lill-eluf ta’ postijiet tax-xogħol li jiddependu fuq ir-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna, fosthom dawk fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li fuq talba tiegħu, f’April tal-2017 kienet bdiet inkjesta maġisterjali sabiex tinvestiga akkuzi li saru f’rapport tal-FIAU li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kien ħa €100,000 f’tixħim mill-bejgħ ta’ tliet passporti Maltin lil tliet ċittadini Russi. Wara aktar minn sentejn, din l-inkjesta għadha għaddejja u għadu mhux magħruf meta se titlesta u tiġi ppubblikata.