Lokali

Raġel jinqabad b’pusses ta droga fi ġnien fil-Marsa

Ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga fi ħdan il-korp tal-Pulizija, iktar kmieni llum irriżultat f’arrest ieħor fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga f’dawn il-gżejjer.

Raġel Somalu ta’ 22 sena u residenti l-Marsa ġie osservat iġib ruħu b’mod suspettuż waqt li kien fi ġnien pubbliku fit-Triq Diċembru tlettax, limiti tal-Marsa.

Fil-pussess tiegħu instabet droga tal-pjanta tal-kannabis u kokaina. Id-droga misjuba li kienet lesta sabiex tiġi traffikata kienet tammonta għal 37 qartas bil-pjanta kannabis flimkien ma’ numru iżgħar ta’ qratas bi trab abjad allegatament kokaina.

Il-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli ġiet infurmata bis-sejba, u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. Ir-raġel mistenni jitressaq l-Qorti fil-ġranet li ġejjin b’akkużi relatati ma’ traffikar u pussess aggravat tad-droga kannabis u kokaina.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.