Edukazzjoni Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Suġġett imneħħi 3 ijiem qabel tibda sena ġdida

L-istudenti u l-letturi fil-għama dwar kif tneħħa EU Law f'salt

L-istudenti tat-tieni sena fil-kors tal-Baċellerat tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, ftit jiem biss qabel il-bidu ta’ sena akkademika ġdida, ġew mgħarrfa li s-suggett tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea mhux se jkun offrut din is-sena. Dan meta dan is-suġġett kien ilu obbligatorju fit-tieni sena tal-kors għal żmien twil.

It-tagħrif wasal għand l-istudenti permezz ta’ email mingħand is-Segretarja tal-Fakultà tal-Liġi u minflok dan is-suġġett ta’ 8 ECTS, l-istudenti ġew offruti 2 suġġetti elettivi ta’ 4 ECTS kull wieħed. Iżda ebda spjegazzjoni ma ġiet provduta dwar din id-deċiżjoni ħabta u sabta – lanqas jekk dan is-suġġett hux se jkun offrut aktar tard fil-kors tal-Liġi, jew jitneħħa għal dejjem.

Mistoqsi minn dan l-istazzjon dwar id-deċiżjoni, l-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Professur Kevin Aquilina, stqarr magħna li lanqas il-letturi kollha tal-fakultà ma jafu għalfejn tneħħa dan is-suġġett.

Il-Professur Ivan Mifsud, li huwa d-Dekan il-gdid tal-Fakulta’, ma wegibx meta mistoqsi mit-Times dwar din il-kontroversja. L-istudenti minn naħa taghhom, filwaqt li nħasdu b’din il-bidla drastika – sejjħu laqgħa urġenti.

Fost dawk li rreaġixxew kien hemm l-istudenti tal-ELSA illi spjegaw kif dan is-suġġett hu essenzjali għall-istudji tagħhom, u ħassewhom sorpriżi kif dan is-suġġett tneħħa.

Dan is-suġġett, iżda, jidher li xorta għadu mniżżel bħala suġġett obbligatorju fil-programm ta’ studji tal-kors tal-liġi offrut għall-istudenti ġodda li deħlin nhar it-Tnejn li ġej.

Fid-Dipartiment tal-Liġi Komparattiva u Ewropea bħalissa hemm 6 akkademiċi residenti u visiting lecturer.