Internazzjonali

Thomas Cook tieqaf milli topera … 21,000 post tax-xogħol mitluf

Passiġiera maqbuda 'l bogħod minn djarhom, titjiriet u vaganzi mħassra...

Il-kumpanija rinomata Thomas Cook falliet wara li ma waslu mkien in-negozjati tal-aħħar minuta biex jsalvaw din l-entità li ilha isem sinonimu mat-turiżmu għal xejn anqas minn 178 sena.

L-Awtorità Britannika tal-Avvjazzjoni Ċivili qalet li t-tour operator waqaf milli jagħti servizzi fis-settur b’effett immedjat – biċ-ċirkustanzi jwasslu għall-akbar ripatrijazzjoni ta’ nies fi żmenijiet ta’ paċi, bil-għan li jinġiebu lura d-dar ‘il fuq minn 150,000 turist Britanniku.

Anke f’Malta kien hawn numru ta’ turisti li spiccaw maqbuda. Infatti llejla għandu jiġi ajruplan ta’ Titan Airways, B757 biex jieħu l-passiggiera maqbuda Malta li kellhom jivvjaġġaw ma’ Thomas Cook.

Peter Fankhauser, il-kap eżekuttiv ta’ Thomas Cook, qal li l-falliment tal-kumpanija huwa lok għal dispjaċir enormi waqt li talab skuża ‘lill-miljuni tal-klijenti u lill-eluf tal-ħaddiema ta’ Thomas Cook.

Il-falliment ta’ Thomas Cook tefa’ f’periklu immedjat l-impjiegi ta’ 21,000 ħaddiem madwar id-dinja – fosthom 9,000 fir-Renju Unit biss.

Fl-aħħar sigħat, il-Gvern tar-Renju Unit ma qabilx li jipprovdi bailout ta’ 250 miljun Sterlina lil Thomas Cook li kien twaqqaf f’Leicestershire fl-1841. Is-Segretarju tat-Trasport Britanniku, Grant Shapps, iddefenda d-deċiżjoni fejn qal li l-impenn għal bailout kellu jsalva lill-kumpanija għal żmien qasir biss. Shapps kompla li ċ-ċansijiet li Thomas Cook issalva kienu żgħar ħafna minħabba d-djun kbar akkumulati mill-kumpanija.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, wiegħed illi jgħin lit-turisti Britanniċi li baqgħu l-art wara li bbukkjaw il-btajjel ma’ Thomas Cook. Iżda Johnson, fl-istess ħin, staqsa jekk id-diretturi tal-kumpanija kenux ġenwinament motivati li jindirizzaw din il-problema.