Internazzjonali

Trump: Din id-darba hemm lok għal impeachment?

Il-President Amerikan Donald Trump ikkonferma li kien qajjem is-suġġett tal-eks Viċi-President Joe Biden u ibnu f’telefonata li saret f’Lulju mal-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky. Dan meta Trump qed jiċħad li wettaq pressjoni fuq l-Ukrajna biex tinvestiga lil Biden, ir-rivali potenzjali tiegħu fit-tellieqa tal-2020 għall-White House.

Intant, l-ammissjoni ta’ Trump dwar ‘it-telefonata’ xprunat sejħiet mid-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni biex jibdew il-proċeduri għall-impeachment tal-President, fil-Kungress. Dan waqt li d-Demokratiku, Adam Schiff, li jmexxi lill-House Intelligence Committee, qal li ‘il-pass lejn impeachment jista’ ikun l-uniku rikors fiċ-ċirkustanzi’.

Fl-2014 Hunter Biden kien sar direttur mal-kumpanija tal-gass Burisma, tal-Ukrajna, meta missieru kien il-Viċi-President Amerikan taħt l-eks President tal-Istati Uniti Barack Obama, bi rwol importanti fil-politikat ta’ Washington fir-rigward ta’ Kiev.

Joe Biden issa hu favorit li jirbaħ it-tikketta tal-Partit Demokratiku biex, fl-2020, jisfida lir-Repubblikan Trump għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Il-kontroversja dwar jekk Trump insistiex mal-President Ukren biex jiftaħ investigazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-konfront ta’ Joe u Hunter Biden ilha l-jiem tiddomina d-diskors f’Washington. Dan wara li l-istampa allegat li whistleblower b’aċċess għal informazzjoni sigrieta kien ressaq ilment dwar il-komunikati ta’ Trump ma’ ‘mexxej barrani’ u dwar ‘wiegħda li kienet saret’.

Jiem ilu, ingħad ukoll li l-Gvern ta’ Trump kien ‘qed itellef l-isforzi biex l-ilment urġenti tal-whistleblower jitressaq lill-Kungress’. Taħt il-liġi Amerikana,  ilment ikkunsidrat bħala ‘urġenti u kredibbli’ mill-ispettur ġenerali responsabbli, għandu jfisser li l-informazzjoni inkwistjoni tinqasam mal-Kungress fi żmien sebat ijiem.