Kultura Lokali

Wirja ta’ akwarelli fl-Imdina tul Ottubru

Paul Caruana jagħti ħajja mill-ġdid lill-vuċijiet mitlufa

Ilħna mbiegħda jistgħu jintgħarfu fil-belt is-siekta mill-Ġimgħa 4 sal-Ħamis 31 ta’ Ottubru, hekk kif Palazzo de Piro fl-Imdina se jospita wirja tal-akwarell mill-artist Malti, Paul Caruana.

Il-wirja, bit-tema ‘Ilħna li Nara’, se tiġi inawgurata mill-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici u tinkludi 20 pittura ġdida bl-akkwarell, li lkoll jirriflettumemorji tat-tfulija tal-artist, ġrajjiet ta’ kuljum u karattri mill-irħula u bliet.

“Permezz ta’ dawn il-pitturi, qed nittama li jnisslu tbissima minn dawk li huma kbar biżżejjed biex ikollhom memorji tal-imgħoddi, filwaqt li nipprovdi lill-ġenerazzjonijiet iżgħar bi preżentazzjoni viżwali ta’ kif fl-imgħoddi, il-ħajja kienet aktar sempliċi, iżda xorta waħda kkulurita,” saħaq Paul Caruana dwar ix-xogħolijiet esebiti.

Il-wirja ‘Seeing Voices’ hi t-tlettax-il wirja li Caruana qed itella’ waħdu, bl-aħħar wirja tiegħu ttellgħet fl-2017 fl-istess palazz bl-isem ‘Ħrejjef ta’ Veru’.

Sa minn ċkunitu Paul Caruana dejjem kien artist iddedikat għall-akwarelli u ħa sehem ukoll f’għadd ta’ wirjiet kollettivi f’Malta u f’oħrajn internazzjonali. Studja l-arti fl-iskejjel tal-gvern taħt il-gwida ta’ Antoine Camilleri, Harry Alden u Anthony Degiovanni. Caruana pitter f’għadd ta’ pubblikazzjonijiet dwar il-belt Valletta, fosthom il-karattri fil-ktieb ta’ George Cini dwar Strada Stretta.

Il-wirja ‘Seeing Voices’ għandha l-appoġġ ta’ BPC International, Palazzo de Piro, Infinitely Xara, u Gemelli Framing.