Abdullah Qardash: Il-Kap suċċessur tal-ISIS?
F’dawn il-jiem żdiedu r-rapporti – u allegazzjonijiet – li Abdullah Qardash, li kien uffiċjal fl-Armata tal-eksdittatur tal-Iraq, Saddam Hussein, hu ‘favorit’ biex jilħaq Kap tal-grupp terroristiku ISIS, bħala s-suċċessur għal Abu Bakr al-Baghdadi.
Qardash ilu l-aħħar snin javvanza fil-ġerarkija tal-ISIS u din hi, forsi, l-ewwel darba li qed isiru referenzi konkreti għas-suċċessur potenzjali għal Baghdadi, il-mexxej terrorista brutali li rari jidher fil-pubbliku. L-element ‘Qardash’, fl-istess ħin, jista’ jirrifletti pjan biex l-ISIS jistabbilixxi ruħu mill-ġdid bħala moviment b’livell ta’ influwenza globali wara numru ta’ disfatti fl-Iraq u s-Sirja.
Kien fil-bidu ta’ Awwissu li l-aġenzija tal-aħbarijiet AMAQ (affiljata mal-ISIS) irrappurtat li Baghdadi kien ‘ħatar’ lil Abdullah Qardash bħala s-suċċessur tiegħu. Dan fi żmien ta’ spekulazzjoni qawwija dwar ‘is-saħħa ta’ Baghdadi’ wara li hu, is-sena l-oħra, spiċċa ferut waqt battalja f’Hajin, lejn il-lvant tas-Sirja.
L-impenn biex Qardash jilħaq ‘kap suprem’ tal-ISIS, intant, jista’ jitqies mhux biss bħala tentattiv biex il-ġellieda tal-ISIS iqawwu qalbhom iżda anki bħala inizjattiva ‘għal spinta ġdida ta’ attakki’ — u l-konsolidazzjoni mill-ġdid tal-ISIS bħala entità terroristika ewlenija.
Abdullah Qardash, Musulman Sunni, hu magħruf bil-laqmijiet ‘Professur’ u ‘Protagonista għall-Qerda’ meta ilu involut fl-aġenda qattiela tal-ISIS.
L-analisti tas-sigurtà ifissruh bħala bniedem ‘brutali, krudili u awtoritarju’ li, madankollu, hu popolari u rispettat fost il-membri l-oħra tal-ISIS. Qardash kien anki responsabbli għall-eliminazzjoni ta’ membri tal-ISIS li opponew għall-istil tat-tmexxija ta’ Baghdadi.
//= $special ?>