Ambjent Lokali

”Azzjoni: Tuna Artna Lura” – Residenti tal-Kottonera dwar l-estensjoni tal-Universita’ tal-Ġordaniżi

Jumejn qabel l-Awtorita’ tal-Ippjanar mistennija tiddeċieda dwar l-estensjoni tal-Universita’ tal-Ġordaniżi f’Bormla, grupp ta’ residenti tal-Kottonera u numru ta’ għaqdiet mhux governattivi ingħaqdu taħt il-messaġġ “Azzjoni: Tuna Artna Lura”.

Il-Grupp esprima x-xokk tiegħu li l-applikazzjoni kienet rakkomondata għal approvazzjoni. L-oġġezzjoni tal-grupp hi msejsa fuq erba’ raġunijiet:

Kulturali: l-iżvilupp kif propost se jagħmel sfreġju mill-iswar u d-daħla tal-Isla li jispiċċaw mgħottija kompletament.

Soċjoloġiku: din l-espansjoni mill-Ġordaniżi se toħnoq l-uniċi żewġ spazji pubbliċi fil-Baċir Numru 1. Huma fakkru kif il-Bormliżi u s-Sengleani ilhom 200 sena biex ħadu dawn l-ispazji lura mill-ħakkiema barranin għal użu militari. Issa, wara li l-ispazju ingħata lura u anki ġie restawrat permezz ta’ fondi Ewropej, dan se jerġa’ jittieħed lura għall-użu esklussiv tal-privat.

Ambjentali: L-inħawi tal-Kottonera huma fost l-iktar li għandhom densita’ tal-popolazzjoni fil-gżejjer Maltin bi ftit li xejn spazji miftuħa. It-telf ta’ dan l-ispazju se jkollu effett ħażin fuq il-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti.

Arkitettoniċi: Il-Baċir numru 1 hu zona ta’ Konservazzjoni Urbana u kull żvilupp għandu jirrispetta l-estetika u policies ta’ din iz-zona. Is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali qajjmet diversi punti f’dan is-sens, imma għal xi raġuni, dawn jidhru li ġew injorati mill-Case Officer tal-Awtorita’ tal-Ippjanar

Kelliem għall-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar qal li din l-applikazzjoni tmur kontra kemm il-Pjan Strateġiku, magħruf bħala l-iSPED, kif ukoll diversi pjani lokali.

Hu qal li l-iżviluppatur għandu esperjenza fit-turiżmu u l-kostruzzjoni u jrid jibni dormitorju f’zona storika. Min-naħa l-oħra, l’hekk imsejħa universita’ jidher li falliet. Kompla li ma tridx tkun ġenju biex tagħmel il-qabża ta’ x’inhu l-għan aħħari tal-iżviluppaturi Ġordaniżi.

F’mument minnhom, residenti daħal fil-konferenza tal-aħbarijiet u esprima l-għadab tiegħu għal kif l-ispazji tagħhom inħatfu. F’kumment ma’ Net News Victor Grech qal li hemm saħansitra xniegħa li l-iżviluppatur irid ukoll il-baċir innifsu u d-dgħajjes marbuta fil-Baċir ikollhom jiċċaqilqu.

Is-smigħ tal-applikazzjoni se ssir il-Ħamis li ġej fl-10 ta’ filgħodu fl-uffiċċju tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.