Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jrid anzjanità b’dinjità u mhux b’karità

L-anzjani huma għal qalb il-Partit Nazzjonalista u għandu jiġi rikonoxxut il-valur li l-anzjani għandhom fis-soċjetà tagħna. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara lil Nanniet Malta, bħala parti mill-attivitajiet relatati mal-55 sena mill-Indipendenza.

Adrian Delia qal li filwaqt li l-valur tal-anzjani fis-soċjetà mhux imħares kif xieraq, l-anzjani tagħna qed jaffaċċjaw bosta sfidi minħabba li l-Gvern rema’ l-impenn soċjali tiegħu u mhux qed jindirizza bis-serjetà d-diffikultajiet tal-anzjani. Dan meta l-istatistika turi li kwart tal-popolazzjoni f’Malta u f’Għawdex għandha aktar minn 60 sena u hu stmat li fiż-żmien li ġej din se tqarreb lejn it-30 fil-mija.

Adrian Delia qal li jeħtieġ li nħarsu lejn l-anzjanità b’dinjità u mhux b’karita’ għax filwaqt li l-anzjani għandhom valur kbir, hu importanti li dawn iħossuhom attivi fis-soċjetà u jgħaddu l-għerf li kisbu lill-ġenerazzjonijet futuri. Kompla li l-għodod diġitali jistgħu jkunu pjattaformi ideali biex nintroduċu Digital Aging, fejn l-anzjani minn djarhom stess jibqgħu jikkontribwixxu lejn id-dinja tax-xogħol.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-anzjani jridu jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa biex jgħixu ħajja diċenti, speċjalment meta dawn mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Il-pensjonanti huma l-aktar li jħossu l-faqar jew jinsabu fir-riskju tal-faqar u s-soluzzjoni tal-Gvern kienet li jmorru jiddejnu fuq djarhom, biex imbagħad iħallsu uliedhom.

Adrian Delia qal li l-Gvern ma indirizzax l-adekwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet b’serjetà, bil-pensjonanti mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar u l-prezzijiet tal-prodotti essenzjali qed kulma jmur dejjem jiżdiedu.

It-tħassib dwar l-adekwatezza tal-pensjonijiet tressaq ukoll minn numru ta’ imsieħba soċjali waqt il-laqgħat ta’ qabel il-baġit. Min-naħa tagħha, l-Oppożizzjoni qed tagħti l-kontribut tagħha biex il-pensjonanti ma jibqgħux iħossu l-morsa tal-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet li dejjem qed jiżdiedu kawża tan-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed ifassal politika li tagħti lill-anzjani u lill-pensjonanti l-importanza li jixirqilhom … mhux b’karità iżda bi dritt. Politika fuq żewġ binarji: li min hu pensjonant illum jixraqlu pensjoni adekwata għall-ħajja tal-lum; u li s-sostenibbiltà tiġi assigurata b’responsabbiltà, fejn il-finanzjament ikun fuq sisien sodi. Dan filwaqt li nindirizzaw id-differenzi fil-pagi fil-karrieri u l-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo.