Lokali

L-MUT toħroġ b’aktar ideat

Il-Gvern għadu mingħajr soluzzjoni prattika għan-nuqqas ta’ għalliema li jeżisti fis-sistema edukattiva wara li kien oriġinarjament ħareġ bil-proposta li jġib għalliema barranin … proposta li ġabet il-kritika ta’ kulħadd, fosthom l-Unions tal-Għalliema, il-ġenituri u anke l-għalliema nfushom.

Dan ikkonfermah il-President tal-MUT Marco Bonnici meta mistoqsi mill-ġurnalisti, fosthom minn NET News jekk il-Union għandhiex xi aġġornamenti mill-Gvern dwar din il-kwistjoni. Minflok, hu qal li l-MUT baqgħet ma ngħatat l-ebda garanzija li l-proposta tal-Gvern tneħħiet għalkollox.

Marco Bonnici kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti wara li nieda “Education Malta”, intenzjonat biex il-mudell edukattiv ta’ pajjiżna – mill-Primarja sal-Post-Sekondarja – tinbidel għal waħda f’entità bħal fil-każ tal-Università, l-MCAST u l-ITS, bil-Ministeru jibqa’ jservi ta’ regolatur.

Kien waqt din il-konferenza fejn Marco Bonnici tenna li bħala Union tal-Għalliema, se jkomplu joġġezzjonaw għal din il-proposta tal-Gvern dwar il-barranin. Dan hekk kif tħoss li hemm soluzzjonijiet aktar sostenibbli għal dan in-nuqqas ta’ riżorsi umani.

U hekk kif issa ninsabu biss ftit jiem bogħod mill-bidu ta’ sena skolastika ġdida għall-Iskejjel tal-Gvern, il-President tal-MUT sostna li l-Gvern għadu mingħajr soluzzjoni prattika. Hu wieġeb il-mistoqsijiet li l-Gvern qed jaħrab milli jwieġeb … fosthom li, pereżempju, fil-Matematika hemm madwar 15-il klassi li s’issa għadha mingħajr għalliem.

Dan in-nuqqas ta’ pożizzjoni mill-Gvern u l-Ministeru tal-Edukazzjoni tidher sintomatika ma’ problemi oħrajn li qed jiffaċċjaw il-ġenituri u l-istudenti f’pajjiżna.

Fil-fatt, minkejja l-pompa kollha li biha l-Gvern is-sena li għaddiet ipprova jbellagħha lil kulħadd li sab soluzzjoni għall-problema tat-trasport tal-istudenti, jidher li din is-soluzzjoni għadha ma nstabitx.

Dan anke fid-dawl tat-tħassib tal-ġenituri dwar min se jkun responsabbli minn uliedhom matul it-traġitt bejn id-dar u l-iskola, u viċe versa … meta s-sena li għaddiet, il-Gvern propona soluzzjoni ta’ malajr li jwaħħal ċippa mal-baskett tal-istudenti.