Futbol Sport

FUTBOL FIFA AWARDS: Messi u Rapinoe l-aqwa plejers, Klopp u Ellis l-aqwa kowċis

Lionel Messi, ta’ Barcelona u t-tim nazzjonali Arġentin u n-nazzjonali Amerikana Megan Rapinoe li tilgħab ma’ Reign f’pajjiża stess rebħu l-unur tal-aqwa plejer tal-FIFA fil-kategoriji tal-irġiel u nisa rispettivament.

Il-Ġermaniż Jurgen Klopp rebaħ l-unur tal-aqwa kowċ wara li fl-istaġun li għadda wassal lil Liverpool għar-rebħ taċ-Champions League. Fil-kategorija tan-nisa l-unur intrebaħ mill-kowċ Amerikana Jill Ellis li wasslet lil pajjiżha għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja li saret fi Franza s-sajf li għadda.

Is-serata tal-unuri li saret it-Tnejn filgħaxija fit-teatru ta’ La Scala ta’ Milan, ġiet ippreżentata minn l-eks still Olandiż u ta’ Milan, Ruud Gullit, li llum huwa preżentatur u li jaħdem ma’ ħafna stazzjonijiet sportivi fid-dinja flimkien ma’ Kilaria D’Amico, li ilha għal dawn l-aħħar 15-il sena taħdem ma’ Sky Sport Italia.

Messi għeleb l-isfida tal-Olandiż Virgil Van Dijk u l-Portugiż Cristiano Ronaldo biex rebaħ l-unur għal rekord ta’sitt darbiet. Matul l-istaġun li għadda, Messi rebaħ il-kampjonat Spanjol, La Liga ma’ Barcelona, kif ukoll iż-Żarbun tad-Deheb meta skorja 54 gowl fi 58 partita fil-kompetizzjonijiet kollha.

Kienu ħafna li ħaduha bħala sorpriża li rebaħ Messi peress li l-favorit kien id-difensur ta’ Liverpool, Virgil Van Dijk. Van Dijk lgħab parti mportanti fir-rebħa ta’ Liverpool fil-UEFA Champions League fejn ukoll għen lil Liverpool jispiċċaw fit-tieni post fil-Kampjonat Premier Ingliż fl-istaġun li għadda, u dan meta ftit tal-ġranet ilu Van Dijk rebaħ l-unur tal-Aqwa Plejer Ewropew.

L-istilla Amerikana Megan Rapinoe għelbet l-isfida tal-kompatrijotta Alex Morgan, li flimkien mexxew lill-Istati Uniti għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa u tal-Ingliża Lucy Bronze. Skont Rapinoe, din l-aħħar sena kienet waħda inkredibbli għall-futbol tan-nisa, speċjalment bit-Tazza tad-Dinja.

Il-captain Amerikana laqgħet l-aħbar ukoll li sa fl-aħħar l-Iran se jibda jħalli n-nisa jidħlu fil-grawnds tal-futbol f’partiti li jkunu nvoluti fihom l-irġiel. Ftit ilu tfajla Iranjana, ħarrqet lilha nnfisha peress li ma tħallietx tidħol tara logħba futbol. Unur ieħor ta’ prestiġju kien dak tal-aqwa gowlkiper, li ntrebaħ mill-Brażiljan li jilgħab ma’ Liverpool, Alisson Becker.