Il-Qorti Suprema tar-Renju Unit iddeċidiet li l-pass li ħa l-Prim Ministru Boris Johnson biex jissospendi l-Parlament (House of Commons) ma kienx konformi mal-liġi.
Il-proċess ta’ sospensjoni – magħruf bħala prorogation u li kien iddikjarat aktar kmieni fix-xahar – kellu jkun effettiv għal ħames ġimgħat. Madankollu, il-Qorti Suprema, immexxija mill-President, Brenda Hale, qalet li ‘kienet deċiżjoni ħażina’ li d-deputati jitwaqqfu milli jaqdu d-doveri tagħhom fil-House of Commons, fil-jiem u l-ġimgħat qabel il-31 ta’ Ottubru, li hu d-deadline stabbilit għal Brexit.
Lady Hale qalet, intant, li ‘l-effetti tad-deċiżjoni fuq l-elementi fundamentali tad-demokrazija kienu estremi’. Dan waqt li kelliema għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru kummentaw li ‘qegħdin jipproċessaw il-verdett’.
Boris Johnson insista li ried imexxi l-prorogation qabel id-Diskors tar-Reġina ( Queen’s Speech) biex ikun jista’ ifassal il-politika ġdida tal-Gvern tiegħu. Madankollu, il-kritiċi akkużaw lil Johnson b’li kien qed jipprova jwaqqaf lid-deputati milli jevalwaw il-pjani tiegħu għal Brexit.
Il-President tal-Qorti Suprema spjegat li d-deċiżjoni ta’ Johnson biex jagħti parir lir-Reġina Eliżabetta biex tissospendi l-Parlament kienet kontra l-liġi ‘għaliex żammet, mingħajr ġustifikazzjoni valida, lill-Parlament milli jeżerċita l-funzjoni tiegħu skont il-kostituzzjoni’.
Lady Hale kompliet li d-deċiżjoni unanima tal-ħdax il-imħallfin tal-qorti kienet li s-sospensjoni tal-Parlament trid titqies bħala nulla u bla effett. Hi qalet li ‘issa’ iridu jkunu l-Ispeakers tal-Parlament u l-House of Lords li jiddeċiedu x’għandu jsir.
L-Ispeaker tal-Parlament, John Bercow, laqa’ b’sodisfazzjon il-verdett u qal li l-Parlament irid jiltaqa’ mill-ġdid ‘mingħajr dawmien’. Hu kien qed jaħseb biex jikkonsulta ‘b’urġenza’ mal-kapijiet tal-partiti.
Id-deċiżjoni, sadanittant, tfisser li l-House of Commons ma kien qatt ‘sospiż’, fost indikazzjonijiet li d-deputati huma ħielsa biex ikomplu l-ħidma fil-Parlament.
Dan meta d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema qed tiqies bħala waħda straordinarja u mingħajr preċedent — bl-analisti jaqblu li ħadd ma jista’ jimminimizza s-sinifikat tal-verdett minn aspett politiku u kostituzzjonali.
Fil-fatt, fil-jiem li ġejjin kapaċi tiżdied il-pressjoni fuq Boris Johnson biex jirriżenja b’riżultat tal-verdett, b’xi osservaturi jemmnu li ‘diffiċli għalih biex ikompli fil-kariga f’dawn iċ-ċirkustanzi’.
//= $special ?>