Internazzjonali

Spanja: Se jinqalgħu l-fdalijiet ta’ Francisco Franco

Il-Qorti Suprema ta’ Spanja ddeċidiet li l-fdalijiet tad-dittatur faxxista Francisco Franco għandhom jinqalgħu mis-sit attwali. B’hekk il-qorti appoġġjat il-pjan tal-Gvern Spanjol biex il-fdalijiet ta’ Franco ikunu trasferiti mill-mausoleum tal-Istat lejn sit anqas kontroversjali – f’dan il-każ iċ-ċimiterju fejn tinsab midfuna martu.

Dan waqt li ma ntlaqax l-appell tal-familja ta’ Franco biex il-katavru tad-dittatur jitħalla fejn qiegħed.

Il-kwistjoni qanqlet mhux ftit tal-kontroversja fi Spanja – bil-poplu jesprimi differenzi ta’ opinjoni dwar ‘x’kellu jsir mill-fdalijiet ta’ Franco’. Il-poplu Spanjol għadu jġorr sal-lum l-effetti tal-era ta’ Francisco Franco li kien rebaħ il-gwerra ċivili tas-snin tletin u baqa’ jamministra Spanja sal-1975.

Il-mausoleum – bl-isem ‘Wied tal-Mitlufa’ — jinsab qrib Madrid u fejn hemm midfunin għexieren ta’ eluf ta’ vittmi mill-gwerra ċivili.

Ħafna Spanjoli, intant, jikkundannaw dan il-kumpless bħala ‘monument lill-faxxiżmu’  li, tul is-snin, inbidel f’’santwarju’ għan-nies li jissimpatizzaw mal-movimenti estremisti tal-lemin.