Internazzjonali

Mont Blanc: Massa kbira ta’ silġ f’xifer li tikkrolla

e

L-awtoritajiet fl-Italja għalqu numru ta’ toroq waqt li evakwaw il-kmamar ( huts) qalb il-muntanji wara li l-esperti wissew li l-massa tas-silġ akkumulat fuq Mont Blanc ‘kapaċi ċċedi minn ħin għall-ieħor’.

L-Uffiċjali spjegaw li madwar 250,000 metri kubi ta’ silġ kapaċi ‘jinqatgħu’ mill-Planpincieux glacier fuq il-Muntanjna Grandes Jorasses.

Dan waqt li s-sindku ta’ Courmayeur – belt li tinsab fir-reġjun awtonomu tal-Wied ta’ Aosta, fit-Tramuntana Taljana – wissa li ‘l-istruttura tal-muntanja qed tinbidel b’kaġun tal-global warming’.

Il-Mont Blanc massif hu l-akbar grupp ta’ muntanji fil-Punent tal-Ewropa.

Ir-reġjun  — li jinkludi ħdax-il muntanja b’għoli ta’ ‘il fuq minn 4,000 metru fl-Italja u Franza – jattira l-mijiet tal-eluf tat-turisti kull sena.

Is-Sindku ta’ Courmayeur, Stefano Miserocchi, fl-aħħar sigħat, iffirma direttiva għall-għeluq tat-toroq fl-inħawi ta’ Val Ferret fuq in-naħa ‘Taljana’ ta’ Mont Blanc.

Il-miżura ttieħdet wara li l-esperti wissew li sezzjoni tal-glacier ‘qed tiżżerżaq ‘l isfel’ b’rata ta’ bejn 50 u 60 ċentimetru kuljum.Għalkemm ma jidhirx li hemm theddida immedjata għaz-zoni residenzjali u l-faċilitajiet turistiċi, il-huts qalb il-muntanji fiz-zona ta’ Rochefort kienu evakwati mir-residenti bħala prekawzjoni.

Miserocchi, intant, informa lill-istampa dwar l-indikazzjonijiet li l-muntanja għaddejja mill-bidliet b’kaġun tal-fatturi tal-klima u fejn tinsab ‘partikularment vunerabbli’.

Il-Planpincieux glacier ilu taħt sorveljanza mill-2013 bil-għan li l-esperti jiddeterminaw il-frekwenza li biha qed idub is-silġ ta’ fuqu.

Sadanittant, l-awtoritajiet qed iwissu li mi tiffunzjona l-ebda ‘sistema ta’ allert’ għal dawn iċ-ċirkustanzi.