Lokali

AĠĠORNATA: Feruti żewġ pulizija f’ħabta ‘head on’ f’Santa Venera

Is-sewwieq li daħal fuqhom kien taħt l-influwenza tal-alkoħol

Żewġ uffiċjali tal-pulizija sfaw feruti wara li vettura baqgħet dieħla fuqhom. Il-każ seħħ f’Santa Venera, meta karozza tat-tip Honda li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta’ 25 sena minn Raħal Ġdid ħabtet ‘head-on’ fil-karozza tal-Korp tal-Pulizija.

L-inċident seħħ ftit qabel nofs il-lejl fi Triq il-Kbira San Ġużepp. Iż-żewġ pulizija involuti huma żewġ irġiel – wieħed ta’ 22 sena minn Ħal Qormi u ieħor ta’ 20 sena minn Santa Luċija li sofrew ġrieħi ħfief.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li ż-żagħżugħ, li passiġġiera miegħu kellu tfajla, kien qed isuq fid-direzzjoni ta’ Fleur-Des-Lys meta tilef il-kontroll …u l-ewwel baqa’ dieħel f’karozza Mercedes.

Konsegwenza ta’ dan l-impatt il-karozza marret għan-naħa l-oħra tat-triq u ħabtet b’impatt qawwi fil-karozza tal-pulizija, fejn din tal-aħħar spiċċat fuq il-bankina. Il-karozza taż-żagħżugħ ħabtet f’żewġ vetturi u żewġ muturi oħra, li kollha kienu pparkjati fl-istess triq.

Fil-post issejħet ambulanza kif ukoll Pulizija tad-Distrett u tal-RIU.

Iż-żagħżugħ li kien qed isuq il-Honda sarlu test tal-breathalyser fejn irriżulta li kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Aktar tard matul il-jum wieħed mill-Pulizija ntabagħat lura d-dar filwaqt li l-ieħor għadu qed jinżamm għal aktar osservazzjoni.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.