Lokali

Diskussjonijiet li jistgħu jisfumaw fix-xejn

Minkejja li aktar kmieni din il-ġimgħa f’Malta tlaqqa’ Summit dwar l-immigrazzjoni….. jista’ jkun li d-diskussjonijiet li saru jisfumaw fix-xejn. Dan minħabba l-fatt li nerġgħu nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn Malta, l-Italja u diversi NGO’s ikunu huma li jsalvaw il-ħajjiet fil-baħar Mediterran bi ftit li xejn għajnuna fejn tidħol ir-rilokazzjoni ta’ dawn l-immigranti. Dan għaliex ir-rilokazzjoni tal-immigranti tista’ tkun waħda volontarja u mhux ta’ bilfors.

Dan il-ħsieb tqajjem fl-editorjal ta’ The Malta Independent, fejn l-editur jikteb kif hu jittama li dan ma jkunx il-każ, u l-Ewropa finalment tibda turi l-id tas-solidarjetà.  

Fil-laqgħa li saret it-Tnejn li għadda l-ħames Ministri tal-Intern ta’ Malta, l-Italja, Franza, il-Ġermanja u l-Fillandja qablu biss li ghandha tkompli d-diskussjoni fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni fil-Mediterran.

Il-ftehim li waslu għalih dawn l-Istati Membri se jkun qed jitressaq quddiem il-Ministru tal-Intern l-oħra tal-Unjoni Ewropea, fit-8 ta’ Ottubru fil-Lussemburgu.

Permezz ta’ dan id-dokument, jekk jiġi aċċettat mill-maġġoranza tal-Ministri, isir magħruf kemm se jkun hemm pajjiżi li se jipparteċipaw f’dak li għandu x’jaqsam mal-wasliet tal-immigranti u r-rilokazzjoni ….speċjalment fil-pajjiż fejn l-immigranti ikunu iktar min-numru ta’ dak issettjat.

Però kollox jiddependi fuq kemm il-pajjiżi l-oħra humiex se jaċċettaw dan il-ftehim. Dan is-summit seħħ fi żmien meta fil-Mediterran fl-aħħar ġimgħat kien hemm għadd ta’ immigranti li tħallew f’nofs ta’ baħar bil-pajjiżi spiċċaw jitlewmu bejniethom dwar min se jdaħħalhom f’pajjiżu. Kwistjoni li wasslet biex mill-bidu tas-sena s’issa f’Malta ddaħħlu ‘l fuq minn 1,800 immigrant.