Ir-residenti ta’ Marsaskala jinsabu mwerwrin f’darhom stess wara li l-lokalità tagħhom fl-aħħar jiem sfat vittma ta’ mewġa serqa.
Dan joħroġ biċ-ċar anke mill-kummenti tar-residenti fuq il-midja soċjali, fejn esprimew it-tħassib tagħhom għal dak li seħħ.
Mill-kummenti li ttellgħu onlajn biss, u li allura jaf hemm każi oħra li ma nafux bihom, fl-aħħar jumejn biss seħħew mill-inqas tmien każi ta’ serq jew attentati ta’ serq.
Fost il-każi, dak ta’ familja li waqt li kienu qed jieħdu l-kolazzjon, fid-disgħa ta’ filgħodu, raw raġel miexi fit-terrazzin u skoprew li kien daħal fis-sular ta’ fuq u qalleb fil-kxaxen tagħhom. Dan il-każ seħħ fi Triq Thomas Ashby.
Fi Triq il-Mintba, din id-darba ftit wara s-sitta ta’ filgħaxija, persuna jew persuni mhux magħrufa serqu residenza waqt li sidha kien qed jinħasel. Minn hawn insteraq wallet u xi flus ta’ tifla, jiem wara li l-istess sidien kienu raw żagħżugħ nieżel jiġri t-taraġ tar-residenza tagħhom, imfixkel malli rahom.
Fi Triq l-Aħmar seħħ każ ieħor, bis-sidien ta’ residenza jinnutaw li nsteraq wallet mill-kċina, waqt li minn maisonette fi Triq l-Ikħal, mal-jum, ħalliel daħal minn tieqa minkejja li fuq ġewwa kien hemm mill-inqas tliet persuni. F’dan il-każ il-ħalliel ħalla marki tas-saqajn li ġew analizzati mill-Pulizija.
Is-Sibt li għadda, xi ħadd daħal f’ħanut u f’ħames minuti sakemm is-sid illarga, battal il-flus minn portmoni u ħa basket li rema’ iktar tard, minkejja li f’residenza li tifforma parti mill-istess binja kien hemm mara u tifla.
Net News bagħat mistoqsijiet lill-Pulizija fejn staqsejna kemm il-serqa seħħet f’Wied il-Għajn fl-aħħar jiem, u x’miżuri ulterjuri ttieħdu mill-Korp tal-Pulizija.Jidher li bħala miżura t’emerġenza, il-Kummissarju tal-Pulizija u s-Supretendent inkarigat mid-distrett ordnaw żieda fir-rondi.
//= $special ?>