Delegazzjoni Parlamentari mmexxija mill-iSpeaker Anġlu Farrugia qed tipparteċipa fis-37 Konferenza tal-Fergħat iż-Żgħar, li qed tiġi organizzata bħala parti mill-64 Konferenza Parlamentari tal-Commonwealth f’Kampala, l-Uganda.
It-Tlieta, id-Deputat David Agius ħa sehem f’diskussjoni li trattat l-effetti ta’ Brexit fuq il Fergħat iż-Żgħar. Din is-sessjoni kienet immexxija minn Dr W. Mckeewva Bush, Speaker tal-Gżejjer Cayman. Waqt il-preżentazzjoni tiegħu, David Agius tkellem dwar it-tema rikorrenti komuni relatati mal Brexit; l-inċertezza. Huwa qal li l-ekonomiji ż-żgħar huma normalment adattati sew biex jittrattaw inċertezza taħt ċirkostanzi differenti. Huwa propona li bħalma l-Unjoni Ewropea għandha forum leġislattiva tagħha stess mal-Parlament Ewropew, il-Commonwealth għandu jkollha Parlament tagħha stess sabiex il-proposti tagħha jkunu jistgħu jitpoġġew fil-prattika. Huwa qal li Parlament tal-Commonwealth jista’ jsaħħaħ l-aġenda tal-pajjiżi tal-Commonwealth u jkun vuċi għall-membri kollha tagħha.
David Agius żied jgħid li bl-eventwali tluq tar-Renju Unit mill-UE, Malta tista’ sservi bħala pont bejn l-Unjoni Ewropea u l-bqija tal-Commonwealth, b’mod partikolari ma’ ġurisdizzjonijiet iżgħar. Huwa qal li dan il-pont huwa possibbli, kif l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth jaqsmu għanijiet komuni, inklużi d-demokrazija, il-paċi, is-sigurtà, l-ugwaljanza u l-prosperità. Agius sostna li wara l-Brexit, Malta qed tlesti biex titlef alleat importanti fl-UE, b’mod partikolari fil-qasam tal-armonizzazzjoni fiskali. Huwa kkonkluda li madanakollu Malta qed tistenna li xorta waħda żżomm relazzjonijiet qawwija mar-Renju Unit.
Preżenti għal din il-konferenza hemm ukoll id-Deputat Laburista Alex Muscat. Huwa tkellem fuq l-importanza tal-bidla fil-klima għall-ġurisdizzjonijiet żgħar, minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Huwa saħaq li, għalkemm l-Istati żgħar huma l-vittmi ta’ din ir-realtà, il-membri parlamentari huma f’pożizzjoni li jżommu lill-gvernijiet rispettivi tagħhom responsabbli fuq din il-kwistjoni kruċjali.
Qabel it-tmiem tal-Konferenza, l-Ispeaker Farrugia ppreżentat abbozz għall-bidla fil-klima u ta ħarsa ġenerali tad-dokument ta’ ħidma lid-delegati. L-għan tad-dokument huwa li jservi bħala manwal prattiku għall-parlamentari biex jippubblikaw prattiki tajbin fi ħdan il-leġislazzjonijiet tagħhom u jużawhom biex jadottaw inizjattivi ġodda sabiex jiġġieldu kwistjonijiet tal-bidla fil-klima.