Lokali

Il-Grupp Parlamentari tal-PN jiddiskuti l-ħatra ta’ inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

F’laqgħa li kellu llum, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta l-ħatra ta’ inkjesta dwar jekk il-Gvern setgħax jieħu miżuri sabiex jiġi evitat l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li seħħ aktar minn 23 xahar ilu.

Filwaqt li jfakkar li l-Partit Nazzjonalista ilu xhur sħaħ jinsisti sabiex tinħatar din l-inkjesta, jinnota wkoll li l-Gvern baqa’ jkaxkar saqajħ sal-aħħar ftit jiem mill-iskadenza imposta mill-Kunsill tal-Ewropa. Il-Grupp Parlamentari jisħaq li l-eżitu ta’ din l-inkjesta m’għandu jħalli l-ebda dubju u għaldaqstant il-kompożizzjoni tal-bord li se jmexxiha għandu jkollu kunsens unanimu mill-partijiet kollha, b’mod partikolari tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fid-dawl tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Inkjesta hekk kif proposta mill-Gvern, il-Grupp Parlamentari qabel unanimament li l-Bord jitmexxa mill-Imħallef Emeritus Michael Mallia iżda, indipendentement mill-hiliet professjonali u l-integrità tagħhom, ma’ tistgħax taqbel mal-ħatra ta’ Profs. Ian Refalo u ta’ Dr Anthony Abela Medici bħala membri għal diversi raġunijiet.

Fi kwalunkwe każ l-Oppożizzjoni tqis li, fuq kollox, f’din il-materja għandha tiġi rispettata bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u taħt l-ebda ċirkostanza m’għandha tinħatar xi persuna fuq dan il-Bord ta’ Inkjesta li ma’ tgawdix il-fiduċja sħiħa ta’ l-istess familja.