Il-problema tal-iskart f’Malta ħarbet għal kollox minn taħt idejn il-Gvern, li reġa’ qed jirrikorri għar-rimi fil-Magħtab biex jipprova jsolvi l-ammont ta’ skart li qed jakkumula.
Ritratti li waslu għand Net News juru kif issa anke s-saqqijiet qed jintefgħu fil-Magħtab. Dan għall-kuntrarju ta’ dak li kien isir fil-passat, fejn dawn kienu jiġu esportati barra minn pajjiżna biex jitqattgħu.
Din mhix l-unika problema li Gvern Laburista ilu jaffaċċja għall-aħħar snin. Ripetutament kellna l-problema taċ-Ċentri għar-Rimi tal-Iskart Goff li llum il-ġurnata spiċċaw dominati minn muntanji ta’ skart.
Suppost li dan l-iskart jiġi esportat, kemm biex ma jakkumulax imma wkoll biex jitnaqqas il-periklu ta’ inċidenti, bħan-nar li kien żviluppa sentejn ilu f’dak ta’ Sant’Antnin, f’Wied il-Għajn.
Madankollu, ħarsa lejn iċ-ċentri tal-iskart madwar pajjiżna juru li dan mhux iseħħ, b’dawn iċ-ċentri li minflok spiċċaw bħallikieku miżbla.
Fl-aħħar jiem Net News segwa s-sitwazzjoni tal-Impjant ta’ Sant’Antnin, fejn jidher li n-nar qawwi li qered dan iċ-ċentru sentejn ilu, m’għallem xejn lill-amministrazzjoni.
Il-konsegwenza ta’ dan hi li r-residenti għadhom sa llum il-ġurnata jissaportu r-riħa li f’xi ġranet tkun insapportabbli, b’uħud jakkużaw ukoll li qed isofru problemi ta’ saħħa bil-konsegwenza ta’ dan.
//= $special ?>