L-eks Prim Ministru Taljan, Silvio Berlusconi, qed ikun investigat mill-prosekuturi ta’ Firenze b’konnessjoni mas-sensiela ta’ splużjonijiet ‘storiċi’ li l-membri tal-Mafja kienu wettqu fl-1993.
L-aħbar ħarġet meta l-avukati ta’ Berlusconi ippreżentaw dokumentazzjoni fil-qorti –u wara li l-eks Prim Ministru u sinjurun tal-media kien issejjaħ biex jagħti xhieda f’każ li jinvolvi lill-eks sieħeb tiegħu — l-eks politiku Marcello Dell’Utri li, fil-preżent, qed jiskonta sentenza ta’ ħabs.
Dell’Utri qed iwieġeb fi proċess dwar allegati negozjati li saru kmieni fis-snin disgħin bejn l-Istat u l-mafjużi tal-Cosa Nostra, bil-għan li tieqaf ‘il-kampanja tal-isplużjonijiet’ mill-Mafja.
Il-kampanja bil-bombi fl-Italja hi fost ‘l-aktar każi misterjużi’ fl-istorja tal-Italja moderna. L-attakki kienu xukkjaw bil-kbir lill-poplu Taljan minbarra li għenu għat-tmiem tal-era tal-partiti politiċi antiki li kienu mifnija bil-korruzzjoni.
Silvio Berlusconi kien daħal fil-politika fl-1994 u fejn mal-ewwel rebaħ l-elezzjoni ġenerali ta’ pajjiżu.
//= $special ?>