Lokali

L-ISKANDLU TAL-PASSAPORTI: Ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà politika

Silvio Schembri jaħrab milli jwieġeb u jipprova jagħti l-impressjoni li ma jafx x’intqal bejn l-avukati ta’ Chetcuti Cauchi u l-ġurnalisti Franċiżi

Il-Gvern qed jibqa’ jinsisti li m’għandux għalxiex jerfa’ r-responsabbiltà politika wara li faqqa’ skandlu gdid dwar il-bejgh tal-passaporti, anzi, in-nies f’Kastilja qed jinsistu li ma jmissux din l-iskema kontroversjali tal-IIP.

Kemm il-Ministru Owen Bonnici kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri kienu skomdi ferm meta ġew affaċjati bid-domandi tagħna.

“Dan huwa programm serju u robust” – Il-Ministru Owen Bonnici

Meta staqsejna lil Owen Bonnici fuq ir-relazzjoni tiegħu mad-ditta Chetcuti Cauchi huwa qal li hu naturali li jaf min huma. Anki minħabba l-fatt li kienu huma stess li żeffnuh f’nofs din il-kontroverzja.

“Huwa naturali li naf min huma, naf id-ditta … ditta legali magħrufa… nafha”- Il-Ministru Owen Bonnici

Lil Silvio Schembri staqsejnih dwar kif se jserraħ moħħ in-nies wara d-dubji kbar li tqajjmu minn mindu ġie mxandar dan il-programm – tant li anki l-liċenzja tad-ditta ġiet sospiża.

Il-Ministri u d-deputati tal-Gvern qed jibqgħu jinsistu li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti li għandna preżentament m’għandiex għalfejn tinbidel.

Net News saqsa lil Silvio Schembri min se jerfa’ r-responsabbiltà politika. Skomdu, huwa wieġeb billi qalilna li kulħadd jista’ jgħid li jrid, dan fid-dawl jekk xi ħadd għandux jerfa’ din ir-responsabbiltà.

Silvio Schembri għalkemm kien wieġeb diġà fuq fuq għal dak li żvelat il-midja Franċiża, pressat minn NetNews, huwa prova jagħti l-impressjoni li ma jafx x’intqal fil-programm li xxandar fuq l-istazzjon M6. Tant hu hekk li baqa’ ma weġibx u jgħid li ma jafx x’qalu l-avukati fil-filmat, lill-ġurnalisti Franċiżi.

“X’qalu l-ġurnalisti Franċiżi?” – Segretarju Parlamentari Silvio Schembri

Dwar dan il-każ, il-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia insista għal darba tnejn li trid tintrefa’ r-responsabblità politika.

Il-Gvern qed jibqa’ jagħmel minn kollox biex jostor l-ismijiet tal-individwi li qed jixtru l-passaporti Maltin.

Intant fi żviluppi oħra, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi esprima t-tħassib tiegħu wara li sezzjonijiet tal-midja fl-aħħar sigħat żvelat kif id-ditta Chetcuti Cauchi nqabbdet tqatta’ xi dokumenti.

Dubji serji espressi anki mill-editorjal tal-MaltaToday fejn il-gazzetta ttenni li fl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti tispikka n-nuqqas kbir ta’ trasparenza, bl-editur jinsisti wkoll li huwa essenzjalment ħażin li pajjiż jiddependi biss fuq il-flus ġejjin mill-passaporti.