Il-Konsulent Legali ewlieni tal-Gvern Britanniku qal li l-amministrazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Boris Johnson kellha ‘intenzjonijiet onesti’ meta sospendiet lill-Parlament għal numru ta’ ġranet.
Intant, l-Avukat Ġenerali Geoffrey Cox informa lid-deputati fil-House of Commons li jinsab ‘diżappuntat’ bid-deċiżjoni storika min-naħa tal-Qorti Suprema li dikjarat is-sospensjoni bħala waħda li ma kenitx konformi mal-liġi.
Filwaqt li kkonferma li beħsiebu jirrispetta l-verdett, Cox, waqt id-diskors, infexx f’attakk qawwi fuq id-deputati f’Londra talli huma ‘kienu wisq kodardi biex jidħlu għal elezzjoni’. Hu kompla biex ifisser din is-sitwazzjoni bħala ‘waħda tal-mistħija’.
Id-deputati, illum, irritornaw għall-ħidma fil-House of Commons wara diversi jiem weqfin waqt li Joanna Cherry, membru tal-Partit Nazzjonali Skoċċiż (SNP), ħeġġet lil Geoffrey Cox biex jippubblika l-parir legali li kien ta lill-Gvern qabel is-sospensjoni. Joanna Cherry kienet waħda mill-avukati li mexxew l-isfida tal-qorti kontra s-sospensjoni ( prorogation) tal-Parlament.
Sadanittant, Geoffrey Cox qal li l-Gvern Britanniku kien jemmen li l-attaġġjament tiegħu, f’dan il-każ, kien ‘legali minbarra li sar b’rispett għall-Kostituzzjoni’.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Johnson – li rritorna Londra mis-summit tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York – għamilha ċara li hu ‘ma jaqbel assolutament xejn’ mad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Britanniku, għalkemm hu wkoll impenja ruħu biex jirrispetta l-verdett.
Minkejja dan, il-partiti tal-Oppożizzjoni qegħdin jinsistu biex hu jirriżenja minn Prim Ministru.
Il-Kap tal-Partit Laburista, Jeremy Corbyn, qal li d-deċiżjoni tal-Qorti Għolja ‘kixfet in-nuqqasijiet politiċi’ ta’ Johnson — bl-SNP itenni li r-Renju Unit, issa, għandu ‘Gvern litteralment bla ħajja li għandu jitneħħa fiż-żmien opportun’.
Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, il-Prim Ministru Johnson jista’ jitwarrab b’vot ta’ sfiduċja – b’sitwazzjoni bħal din kapaċi twassal għal elezzjoni bikrija fir-Renju Unit.
Madankollu, Jeremy Corbyn qal li mhux se jfiittex vot ta’ sfiduċja f’Johnson sakemm ‘ikun ċar ħafna’ li l-Prim Ministru se jipprova għal estensjoni ta’ Brexit biex jevita sitwazzjoni ta’ no-deal u li hemm qbil min-naħa tal-Unjoni Ewropea.
Boris Johnson qal kemm-il darba li Brexit – it-tluq tar-Renju Unit mill-UE – għandu jsir bi ftehim jew mingħajru fil-31 ta’ Ottubru.
Iżda d-deputati f’Londra għaddew ftehim – l-hekk-imsejjaħ Benn bill – biex jisfurzaw lill-Prim Ministru ħalli jitlob estensjoni mill-UE f’każ li ftehim – inkella approvazzjoni għal no deal – ma jgħaddux mill-vot tal-House of Commons sad-19 ta’ Ottubru.
//= $special ?>