Internazzjonali

Stati Uniti: Ikompli l-impenn għall-impeachment ta’ Trump

Il-White House ħareġ id-dettalji ta’ telefonata li saret dan is-sajf bejn il-President Amerikan, Donald Trump u l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky u li rriżultat f’inkjesta għall-impeachment potenzjali ta’ Trump.

It-telefonata ‘żvelat’ li Trump kien talab lil Zelensky biex jinvestiga lill-kandidat tal-Partit Demokratiku — u eks Viċi President Amerikan — Joe Biden, li ibnu kien qed jaħdem għal kumpanija tal-gass mill-Ukrajna.

Intant, Donald Trump qed jiċħad li ‘żamm lura milli jagħti għajnuna militari lill-Ukrajna’ bħala pressjoni fuq l-awtoritajiet fi Kiev biex huma ‘jgħinuh f’impenn biex juri lil Biden ( rivali politiku tal-President Amerikan) f’dawl ikrah.

L-issue tat-telefonata bejn Trump u Zelensky hi parti minn ilment imressaq minn whistleblower. Intant, Donald Trump wieġeb li ‘hu spiċċa mira tal-akbar kaċċa mingħajr bażi fl-istorja ta’ pajjiżu’.

Nancy Pelosi, tal-Partit Demokratiku, li qed isservi bħala l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington, qed tappoġġja din l-inkjesta uffiċjali dwar l-azzjonijiet tal-President Amerikan.

Min-naħa tiegħu, Trump wiegħed li ‘il quddiem għandu joħroġ fil-pubbliku transcript ‘sħiħ u deklassifikat’ tat-telefonata inkwistjoni bejnu u l-Mexxej Ukren li saret fil-25 ta’ Lulju.