Lokali

AĠĠORNATA: Anzjani residenti fil-Bini tal-Gvern tal-Imsida miżmuma “ħabsin” f’darhom għal madwar xahar

Lift li kien ilu xahar ma jaħdimx jissewwa sagħtejn biss wara l-istorja ta' NETnews.com.mt

Għadd ta’ anzjani residenti fil-Bini tal-Gvern fl-Imsida inżammu għal madwar xahar “ħabsin” f’darhom stess wara li l-Gvern ħallihom għal dan iż-żmien mingħajr servizz ta’ lift, li kien bil-ħsara.

Aktar kmieni dalgħodu, NETnews.com.mt żvela dan il-każ wara li koppja ta’ anzjani li tkellmu ma’ NET News qalu li l-lift, f’waħda mill-blokok, kien ilu tliet xhur bi problemi, filli jaħdem u filli le. Iżda għal dan l-aħħar xahar, dan waqaf għalkollox.

Ir-residenti qalu li rrappurtaw din l-aħħar ħsara għal diversi drabi, iżda l-karbiet tagħhom waqgħu fuq widnejn torox. Ħlief għal darba, meta xi ħaddiema li jsewwu l-lifts marru fil-post u evalwaw is-sitwazzjoni.

Iżda l-anzjani baqgħu xxukjati meta l-ħaddiema qalulhom li għalissa kollox se jkollu jibqa’ kif inhu għax “m’hemmx biex jitranġa”. Kellu jkun ir-rapport ta’ NETnews.com.mt li wassal biex, madwar sagħtejn biss wara, il-ħaddiema reġgħu ntbagħtu u l-lift tranġa.

Id-dewmien stona mad-diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom, il-Gvern iħabbar b’pompi li se jkun qed jirranġa d-diversi żoni residenzjali madwar il-pajjiż.

Sadanittant, din l-aħbar wasslet ukoll għar-reazzjoni tal-Awtorità tad-Djar li, fi tweġiba bi dritt għar-risposta, ma ċaħdet l-ebda parti minn dak żvelat minn NETnews.com.mt. Minflok, kelliema għall-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità waħħlet fil-kuntrattur li miegħu, l-Awtorità ffirmat maintenance aggreement.

Fil-fatt, il-kelliema tal-Awtorità qalet li f’din il-blokka partikolari, l-Awtorità tad-Djar iffirmat il-maintenance agreement għal-lift li hemm installat għal perjodu ta’ tliet snin.