Għada hu mistenni li l-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet jiddeċiedi fuq l-ordni tas-Segretarju Parlamentari Chris Agius biex numru ta’ poteri jkunu delegati mill-Bord u jingħataw lil individwu wieħed: il-Kap Eżekuttiv James Piscopo, li hu wkoll l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Fi stqarrija dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella lill-Gvernaturi biex jaraw l-interess ta’ pajjiżna u jwarrbu l-kuluri partiġġjani. Fakkar li l-Awtorità tal-Artijiet twaqqfet biex ma jkomplux isiru l-iskandli li rajna fil-leġislatura li għaddiet fid-Dipartiment tal-Artijiet, fosthom tal-Cafe Premier, tal-Australia Hall u ta’ Strada Zekka.
Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tipproteġi u tiddefendi kull Gvernatur li jqum biex jiddefendi l-interess nazzjonali, ħalli d-deċiżjonijiet fl-Awtorità tal-Artijiet ma jibdewx jittieħdu minn persuna waħda b’mod partiġġjan, ladarba f’idejhom hi r-responsabbiltà li nħarsu t-tmexxija tal-artijiet tagħna lkoll.
//= $special ?>