Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent Jason Azzopardi, fi stqarrija f’isem il-Partit Nazzjonalista rrimarka li it-Tnejn li għadda filgħodu, l-Oppożizzjoni għamlet sensiela ta’ akkużi fuq is-sitwazzjoni gravi u ħażina fl-Inċineratur tal-Marsa, fl-Impjant ta’ Sant’Antnin u fil-Magħtab, tant li impjegati tal-Wasteserve fil-Marsa kellhom jittieħdu l-Isptar għall-kura.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern filgħaxija ħareġ stqarrija li fiha ma wieġeb jew ċaħad ebda waħda minn dawk l-akkużi.
It-Tlieta filgħodu mbagħad, l-Oppożizzjoni fakkret li l-Ministru tal-Ambjent ma kien ċaħad xejn mill-akkużi dwar il-qagħda f’dawn l-Impjanti u l-impatt fuq saħħet in-nies, filwaqt li sfidatu biex jagħti aċċess immedjat, dakinhar stess, lill-media kollha f’dawn l-impjanti tal-Wasteserve ħalli kulħadd ikun jaf il-verità.
Jason Azzopardi qal li l-Partit Nazzjonalista jinnota li s’issa, il-Gvern ħarab minn din l-isfida. U ħarab għax jaf li l-Oppożizzjoni qalet il-verità. Diversi rapporti fil-media, kemm dik tal-Partit Nazzjonalista u kemm dik indipendenti, ikkonfermaw b’mod indipendenti dak li l-Oppożizzjoni qalet it-Tnejn li għadda.
L-Erbgħa il-media tal-Partit Nazzjonalista uriet ritratti ta’ saqqijiet li ntradmu fil-Magħtab mill-Wasteserve, kontra dak li suppost isir.
Din kienet l-aħħar minn sensiela ta’ konfermi, iswed fuq l-abjad, li l-Oppożizzjoni tinsab fuq in-naħa tas-sewwa meta titkellem fuq il-qagħda ħażina tal-Ambjent f’Malta, u li dan hu tort l-inkompetenza tal-Ministru tal-Ambjent u tan-nies li ddawwar bihom.
L-Erbgħa, l-Oppożizzjoni fetħet tieqa żgħira fuq l-iskandli ħoxnin li qed jintradmu fil-Magħtab. Irdim li qed isir kuljum għax is-sitwazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart ħarbet minn idejn il-Ministru tal-Ambjent.
//= $special ?>