Lokali

Il-Gvern jibqa’ mutu dwar l-aħħar skandlu tal-Passaporti

Minkejja l-aħħar fost sensiela ta’ skandli marbuta mal-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti, il-Gvern għadu ma jridx jgħid meta se jissospendi din l-iskema, li qed tħammar wiċċ pajjiżna.

Dwar dan, NET News staqsa lill-Ministru Konrad Mizzi, magħruf għar-relazzjoni tiegħu viċin il-Prim Ministru Joseph Muscat. Iżda viżibbilment skomdu u nervuż quddiem din is-sitwazzjoni imbarazzanti, Konrad Mizzi rrepeta l-kantaliena tal-Gvern dwar kemm din l-iskema suppost għamlet ġid lill-pajjiż.

Ironikament, fost is-setturi li suppost gawdew minn din l-iskema, semma’ l-Housing … minkejja li f’dawn is-sitt snin ta’ Gvern Laburista, bqajna ma rajniex imqar appartament wieħed ġdid ta’ housing soċjali jinbena.

Semma’ wkoll l-ambjent, iżda dawwar id-diskors malajr li ma jmurx ikun mistoqsi dwar l-isfreġju li l-Gvern li jagħmel parti minnu hu qed jagħmel fl-ambjent ta’ madwarna.

Il-Ministru Mizzi ġie bejn ħalltejn biex jgħid jekk jaħsibx li hemm min għandu jerfa’ responsabbiltà politika fi ħdan il-Gvern … jew allura jekk il-kumpanija legali involuta fl-iskandlu hijiex qed tigdeb.

U mistoqsi jekk allura, minkejja dawn l-iskandli u l-kontroversji kollha li ġabet magħha, din l-iskema għandhiex tibqa’ għaddejja qisu qatt ma ġara xejn, Konrad Mizzi reġa’ rrepeta l-ġid li din l-iskema suppost ġabet magħha.