Il-jum tal-bieraħ jista’ jkun il-bidu tat-tmiem tal-istadium storiku ta’ San Siro, ikona tal-belt ta’ Milan, il-kapitali tar-reġjun tal-Lombardija.
Inter u Milan żvelaw iż-żewġ proġetti finali li wieħed minnhom finalment se jieħu post San Siro li skont il-pjan se jitwaqqa’. Inter u Milan li bejniethom rebħu għaxar darbiet it-Tazza taċ-Champions, seba’ darbiet ir-Rossoneri u tliet darbiet in-Neroazzurri, ilhom jużaw l-istadium ta’ San Siro sa mit-twaqqif tiegħu fl-1925.
Illum San Siro hu l-ikbar stadium fl-Italja b’kapjenza ta’ 80 elf spettatur. Żewġ kumpaniji tal-kostruzzjoni ippreżentaw uffiċjalment il-pjan tagħhom għal stadium ġdid li se jibqa’ jintuża kemm minn Milan u anki minn Inter, kif dejjem sar f’dawn l-aħħar mitt sena, u dan minkejja r-rivalita’ kbira sportiva li hemm bejn dawn iż-żewġ klabbs.
Il-kumpanija Manica-Cmr Sportium ippreżentat il-proġett imsejjaħ “Iċ-ċrieki ta’ Milan”, filwaqt li l-kumpanija Populous ippreżentat il-proġett bl-isem “Il-Katidral”.
Issa d-deċiżjoni finali trid tkun f’idejn il-Kunsill tal-belt ta’ Milan, deċiżjoni li mistennija tittieħed wara konsultazzjoni mal-klabbs, partitarji u residenti. Il-kunsill għandu wkoll il-possibilita’ li jagħżel proġett ta’ immodernizzar ta’ San Siro, proġett li hu stmat li jiswa’ madwar 510 miljun ewro, kontra n-nefqa ta’ 650 miljun ewro għal stadium ġdid.
Kemm Milan kif ukoll Inter qalu li nefqa kbira biex timmodernizza San Siro ma tagħmilx sens ekonomiku u huma t-tnejn deċiżi għal stadium ġdid. Minbarra n-nefqa hu stmat li stadium ġdid jitlesta fi tliet snin, filwaqt li xogħol ta’ rinnovament fuq San Siro jieħdu bejn ħames u sitt snin.
Iż-żewġ disinni se jġibu l-partitarji eqreb lejn il-pitch, anki jekk fil-verita’ sa minn dejjem San Siro kien wieħed minn ftit stadiums fl-Italja li qatt ma’ kellu track tal-atletika fih.
Fid-disinn ippreżentat minn Manic, il-pitch preżenti ta’ San Siro se jkun preservat u jibqa’ jintuża bħala park ta’ rikreazzjoni filwaqt li fil-proġett ta’ Populous, flok San Siro se jkun hemm mużew tal-isport, bid-dħul tiegħu propju miċ-ċentru tal-grawnd preżenti.
Populous li hi kumpanija Amerikana ilha madwar sena f’diskussjonijiet maż-żewġ klabbs ta’ Milan filwaqt li l-President tal-kumpanija Manica lmenta li huma kienu f’dan is-sens żvantaġġati għaliex ma kellhomx daqshekk żmien jippreparaw għal proġett ta’ dan il-kobor.