Lokali

Il-PN mħasseb dwar ir-rewwixti fiċ-ċentri magħluqa f’Ħal Safi

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rewwixti li għaddejjin fiċ-ċentri magħluqa f’Ħal Safi, jinnota wkoll li l-Gvern qiegħed iżomm skiet fuq eżattament x’seħħ f’dan iċ-ċentru fis-sigħat li għaddew.

Il-PN jinnota illi l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia giddeb lill-Prim Ministru li ftit tal-ġranet ilu stqarr li kull pajjiż li kien intrabat li jieħu immigranti li waslu Malta fil-fatt ħadhom. Issa jirriżulta skont l-istess Ministru li dan mhux minnu u għad hawn diversi persuni mhux rilokati. Il PN filwaqt li jikkundanna kull forma ta’ vjolenza li seħħet fl-aħħar ġranet, jrid jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu lill-uffiċjali tad-detenzjoni, l-pulizija u s-suldati f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċċli. Il-vjolenza ma twassal għal imkien.

Fi stqarrija, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami kif ukoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Mifsud Bonnici huma saħqu kif il-PN jinsisti li l-Gvern għandu diversi obbligi f’dawn ċ-ċirkostanzi, għandu minflok jaħbi l-pożizzjoni ħażina u prekarja li nħolqot, jitkellem bi trasparenza dwarha. Għandu wkoll jara li din is-sitwazzjoni ta’ tensjoni li nħolqot tiġi risolta għall-ġid ta’ kulħadd malajr kemm jista’ jkun.