Ambjent Lokali

Jum importanti għad-destin tal-Kottonera

Stqarrija mill-Minority Leader tal-Kunsill Lokali tal-Isla Malcolm Gatt

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla Malcolm Gatt appella lill-Gvern u lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex fil-vot tagħhom li se jittieħed illum dwar l-iżvilupp ta’ żewġ żoni miftuħa fid-daħla tal-Isla mill-Università Amerikana, jġibu quddiem għajnejhom l-interess tar-residenti Sengleani qabel kull interess ieħor, inkluż dak ekonomiku.

Illum huwa jum importanti għad-destin tal-Kottonera fejn se jkun determinat jekk il-poplu Senglean huwiex se jkompli jiġi fgat b’iktar bini u jinqerdu għal kollox żewġ spazji miftuħa li kienu ta’ żvog għan-nies tal-Isla u ‘l madwar. Jekk din l-applikazzjoni tiġi approvata, jkun ifisser li dawn l-ispazji jkunu spiċċaw darba għal dejjem b’konsegwenzi kbar għan-nies tal-Isla u anke għall-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Il-ġid komuni għandu jieħu preċedenza fuq kull interess ieħor. Huwa fatt magħruf minn kulħadd li l-ispazji miftuħa fil-Kottonera, speċjalment fl-Isla, huma skarsi mmens u għalhekk assolutament ma jagħmilx sens li l-Gvern jagħti permess sabiex jinbnew ‘il ftit spazji miftuħa li fadal fil-Kottonera.

Il-PN insista li din il-kwistjoni mhix waħda politika iżda hija kwistjoni ta’ sens komuni fejn id-dover tal-Istat huwa li jara li ċ-ċittadini ta’ pajjiżna jkollhom l-ogħla livell ta’ għajxien.

Il-Prim Ministru għandu jisma’ minn dawk li huma kontra dan l-iżvilupp inkluż Membri Parlamentari u Kunsillieri Lokali minn kull kamp politiku inkluż dak tal-Partit Laburista. Dan huwa l-aħħar mument fejn nistgħu nsalvaw dak li għandna u l-vot tal-lum għandu jmur kontra l-iżvilupp b’rispett sħiħ lejn ir-residenti tal-Kottonera, fosthom dawk tal-Isla.