L-Oppożizzjoni llum kitbet uffiċjalment lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament (PAC) sabiex minnufih jifli l-każ li ġie żvelat mill-media Franċiża M6 fejn ditta nvoluta fil-bejgħ tal-passaporti nqabdet tiftaħar li għandha rabtiet u influwenza fuq il-Prim Ministru, ministri u segretarji parlamentari oħra tal-Gvern Laburista.
L-Oppożizzjoni qegħda titlob lill-PAC biex fost oħrajn, iżda mhux biss, iħarrek u jisma’ x-xhieda tal-persuni kollha nvoluti u jitlob id-dokumenti kollha meħtieġa għal dan il-għan. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta.
Adrian Delia qal li l-investigazzjoni li saret mill-istazzjon Franċiż M6 terġa’ tikkonferma dak li issa ilha tgħid l-Oppożizzjoni li l-iskema ta’ bejgħ tal-passaporti hija skema li qegħda tkisser ir-reputazzjoni ta’ Malta u qed tagħti wkoll isem ħażin lil pajjiżna. Dan b’theddida għall-eluf ta’ impjiegi s-setturi importanti għal pajjiżna fosthom is-servizzi finanzjarji li jiddependu fuq ir-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna. Dan l-aħħar każ jiżdied ukoll mar-rapport tal-Moneyval u mar-rapporti ta’ goldenshake fl-MFSA li ġew żvelati fil-midja. Adrian Delia qal li dan kollu huwa politikament responsabbli l-Prim Ministru Joseph Muscat għaliex żamm taħtu r-responsabbilità tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Għaliex kemm-il darba jmur jiftaħar li hu salesman ta’ din l-iskema, minflok ikun statesman u jieħu d-deċiżjonijiet mistennija minnu biex iħares ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Mill-investigazzjoni tal-istazzjon M6 irriżulta li wieħed mill-aġenti tal-bejgħ taċ-ċittadinanza ftaħar ma’ klijent prospettiv dwar influwenza u rabtiet mal-Prim Ministru u l-Gvern Laburista. Fl-aħħar sigħat, il-midja żvelat filmat promozzjonali li ntużaw minn din id-ditta, li partijiet ġie ffilmjat ukoll fil-kamra fejn issoltu jiltaqa’ l-Kabinett u li fih jidhru s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, l-Kap Eżekuttiv tal-IIP Jonathan Cardona u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Residency Visa Agency Roderick Cutajar fost l-oħrajn.
Meta feġġ dan l-aħħar skandlu, l-Oppożizzjoni talbet li l-IIP tiġi sospiża b’effett immedjat u li tinfetaħ inkjesta biex ikun investigat il-bejgħ ta’ kull passaport li għadda minn taħt idejn id-ditta li nqabdet tiftaħar bir-rabtiet diretti mal-Gvern Laburista. Dan kollu qed jikxef każijiet ta’ korruzzjoni u ta’ abbuż ta’ poter fil-bejgħ taċ-ċittadinanza u ksur tal-liġi. Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina u mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli.
//= $special ?>