Fit-Tazza td-Dinja tar-rugby li qed issir fil-Ġappun, l-Ingilterra u l-Italja kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva tagħhom, bl-iktar mod konvinċenti.
L-Ingilterra kisbet rebħa kontra l-Istati Uniti 45-7, f’logħba għal kollox dominata mill-Ingilterra meqjusa fost il-favoriti għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja. L-Istati Uniti li lejn it-tmiem kellhom anki plejer imkeċċi, għal ftit ma kienu se jitniżżlu fl-istorja bħala dak il-pajjiż li ma skorjaw punt wieħed f’logħba tat-Tazza tad-Dinja.
Fil-fatt kien biss fl-aħħar ħinijiet li l-Istati Uniti għamlu l-uniku try tagħhom kontra is-sebgħa li għamlu l-Inliżi.
Anki r-rebħa tal-Italja kontra l-Kanada kienet waħda konvinċenti 48-7, bit-Taljani wkoll jirnexxielhom jagħmlu seba’ tries, l-istess kif kienu gaħmlu fl-ewwel ħarġa tagħhom kontra n-Namibja.
Għat-Taljani din kienet l-ikbar rebħa tagħhom fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja, fejn l-ikbar rebħa tagħhom s’issa kienet kontra r-Russja 53-17 fl-edizzjoni ta’ tmien snin ilu.
Għall-Italja issa jonqos żewġ impenji ferm projbitivi kontra l-Afrika t’Isfel u kontra ċ-champions preżenti u super favoriti New Zealand.