Il-kompetizzjoni ġdida tal-UEFA Nations League se tara l-ewwel tibdiliet propju sa mit-tieni edizzjoni li tintlagħab lejn it-tieni nofs tas-sena d-dieħla u tintemm bil-fażi finali f’Ġunju tas-sena 2021.
Bis-saħħa ta’ dan it-tibdil il-grupp ta’ pajjiżi f’kategorija A zdied minn 12 għal 16, u b’hekk it-timijeit li kienu relegati fl-ewwel edizzjoni, fosthom il-Ġermanja, ħelsuha ħafif u se jibqgħu mal-elite tal-futbol ewropew.
Dan it-tibdil seħħ ukoll fil-kategoriji l-oħra fejn il-kategorija B u Ċ ukoll se jkunu b’sittax-il tim biex dawn jinqasmu f’erba’ gruppi ta’ erba’ timijiet kull wieħed u b’hekk kull nazzjono jilgħab sitt logħbiet.
Mhux l-istess jista’ jingħad għall-aħħar kategorija, il-kategorija D li fiha hemm it-tim nazzjonali Malti. F’din il-kategorija issa baqa’ biss seba’ nazzjonijiet li huma verament l-iktar pajjiżi żgħar fil-futbol ewropew. Dawn se jinqasmu f’żewġ gruppi, wieħed ta’ erbgħa u l-ieħor ta’ tlieta.
Il-poloz se jitilgħu f’Marzu li ġej bil-logħbiet tal-gruppi jintlagħbu bejn Settembru u Novembru tas-sena d-dieħla.
L-erba’ timijiet li jirbħu l-gruppi ta’ kategorija A jikkwalifikaw għall-fażi finali,filwaqt li l-erba’ timijiet li jispiċċaw l-aħħar jiġu relegati għal kategorija B.
L-istess isir f’kategorija B bir-rebbieħa tal-gruppi promossi għal kategorija A, u dawk tal-aħħar post relegati għal kategorija Ċ. Ir-rebbieħa tal-gruppi ta’ kategorija Ċ ikunu wkoll promossi għal kategorija B, iżda l-aħħar klassifikati fil-gruppi ta’ kategorija Ċ mhux se jkunu relegati awtomatikament.
Dawn l-erba’ timijiet li se jispiċċaw l-aħħar fil-gruppi ta’ kategorija Ċ, se jilagħbu play-off fuq bażi ta’ żewġ legs u ż-żewġ timijiet li joħorġu telliefa fil-play-offs ikunu relegati għal kategorija D.
Dan għaliex minn kategorija D se jiksbu l-promozzjoni biss ir-rebbieħa tal-grupp, li wieħed se jkun iffurmat minn erba’ timijiet u l-ieħor minn tliet timijiet. Malta tista’ fil-fatt tispiċċa fi grupp bi tliet pajjiżi, u biex xi darba tirbaħ il-promozzjoni trid tirbaħ il-grupp tagħha.
Kategorija A: Portugall, Olanda, Ingilterra, Żvizzera, Belġju, Franza, Spanja, Italja, Bożnja, Ukrajna, Danimarka, Żvezja, Kroazja, Polonja, Ġermanja, Iżlanda.
Kategorija B: Russja, Awstrija, Wales, Rep. Ċeka, Skozja, Norveġja, Serbja, Finlandja, Slovakkja, Turkija, Irlanda, Irlanda Ta’ Fuq, Bulgarija, Iżrael, Ungerija, Romanija.
Kategorija Ċ: Greċja, Albanija, Montenegro, Georgia, Maċedonja, Kosovo, Belarus, Ċipru, Estonja, Slovenja, Litwanja, Lussemburgu, Armenja, Azerbaijan, Kazakhstan, Moldova.
Kategorija D: MALTA, Ġibilta’, Gżejjer Faroe, Latvja, Liechtenstein, Andorra, San Marino