Edukazzjoni Lokali

Bidu ta’ sena skolastika kkaratterizzat min-nuqqas ta’ għalliema

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li għal sena oħra, l-bidu ta’ sena skolastika huwa kkaratterizzat min-nuqqas ta’ għalliema f’diversi suġġetti fosthom il-Malti, l-Matematika u l-Ingliż.

Il-kelliem tal-Opppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli qal li għal sena oħra, l-Gvern qiegħed jonqos milli jindirizza din il-kriżi u minħabba f’hekk, għandna mijiet ta’ studenti li issa li għaddiet l-ewwel ġimgħa skolastika għadhom mingħajr għalliema f’dawn is-suġġetti (u oħrajn) jew għandhom għalliema biex ikopru n-nofs, jew anqas, tal-lezzjonijiet skedati skont it-timetable

Il-Partit Nazzjonalista jinsab imħasseb għaliex l-istudenti Maltin u Għawdxin għandhom jingħataw l-aħjar sabiex ikomplu bl-iżvilupp akkademiku tagħhom fid-dinja tal-lum, u jifhem li dawn l-inkonsistenzi jtellfu dan l-istess żvilupp.

Il-Gvern kellu sena skolastika sħiħa sabiex jindirizza dawn in-nuqqasijiet, liema nuqqasijiet wasslu sabiex matul is-sena skolastika li għaddiet il-Union tal-Għalliema l-MUT, ħarġet direttivi li affettwaw l-eżamijiet ta’ nofs is-sena fil-Malti u fil-Matematika.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern għandu jieħu din il-kriżi bl-akbar serjetà sabiex tinstab soluzzjoni immedjata. Matul is-sena skolastika li għaddiet, kellna numru rekord ta’ għalliema li telqu mill-professjoni u numru sostanzjali ta’ għalliema li rriżenjaw matul ix-xhur tas-sajf minħabba diversi raġunijiet fosthom il-kundizzjonijiet diffiċli u s-salarji mhux kompettitivi.