“Illum qed ngħixu f’kontradizzjoni, fejn fuq naħa għandna l-ekonomija timxi ‘l quddiem imma faxex tas-soċjetà jew qed jibqgħu fejn huma jew saħansitra jaqgħu lura. Qed ngħixu f’pajjiż fejn jeżisti surplus fil-finanzi tal-Gvern imma defiċit socjali, ambjentali u istituzzjonali.
Qed ngħixu f’pajjiż fejn it-tkabbir ġej minn żvilupp bla pjan u bla rażan. Għandna Gvern b’politika li ffukata żżejjed fuq l-immedjat mingħajr ma tqis il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Il-Partit Nazzjonalista, fil-qafas tad-diskussjoni tal-budget qiegħed janalizza s-sitwazzjoni, jara x’inhuma l-isfidi u jipproponi soluzzjonijiet.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt laqgħa mal-imsieħba socjali fl-MCESD, li fiha l-Oppożizzjoni nediet id-dokument ta’ qabel il-budget 2020. It-tema tad-dokument ta’ din is-sena huwa A Balanced Economy, A Sustainable Society.
Adrian Delia qal li jekk wieħed idawwar in-naħa tal-munita bil-wiċċ ta’ ekonomija li qed tikber isib wiċċ ieħor, wiċċ ta’ pajjiż li fih qed tirrenja l-inkompetenza, nuqqas ta’ ppjanar, korruzjoni istituzjonalizzata, nuqqas ta’ kuxjenza soċjali u diżrispett totali lejn l-ambjent. Huwa qal li għandna Gvern li miexi bil-mentalità li tipprempja l-iżjed lil minn kapaċi jgħawweġ jew jikser ir-regoli. Dan mhux it-tip ta’ tkabbir ekonomiku li għandu bżonn pajjiżna. L-ekonomija trid u tista’ tikber b’mod li tegħleb kull sfida u mhux toħloq vittmi ta’ suċċess.
Il-Partit Nazzjonalista fid-dokument ta’ qabel il-budget 2020 joffri proposti għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern sabiex jiġu indirizzati uħud mill-problemi identifikati. Fost dawn hemm il-proposta li kull sahra jew xogħol part-time jiġi ntaxxat sa massimu ta’ 10%. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco ta ħarsa dettaljata tad-dokument tal-Partit Nazzjonalista.
Dan id-dokument iħares lejn l-izviluppi fl-ekonomija globali u dik lokali, partikolarment lejn il-Brexit u kif dan jista’ jħalli impatt fuq pajjiżna. Id-dokument iħares ukoll lejn il-finanzi tal-Gvern, fejn wieħed jara li l-infieq fuq l-ispiża rikorrenti qiegħed ikompli jirranka b’rata mgħaġġla ħafna. Id-dokument janalizza ukoll l-isfidi li hemm f’oqsma importanti bħall-edukazzjoni, s-saħħa u l-qasam soċjali.
In-numru ta’ nies fir-riskju tal-faqar f’pajjiżna qiegħed jiżdied u se jkompli jiżdied minħabba l-għafsa fuq il-pagi fuq naħa waħda u l-inflazzjoni fuq in-naħa l-oħra. Fl-aħħarnett id-dokument iħares ukoll lejn is-setturi principali ekonomiċi ta’ pajjiżna, inkluż is-settur finanzjarju u dak tar-remote gaming li qed jaffaċċjaw theddida serja mhux l-inqas minħabba il-mod ħażin li bih mexa l-Gvern.
//= $special ?>