Lokali

Filmati ġodda dwar il-kriżi tal-passaporti

Fl-aħħar jiem isem pajjiżna spiċċa mħammeġ madwar id-dinja kollha wara dokumentarju fuq stazzjon Franċiż, li żvela diversi skandli relatati mal-bejgħ tal-passaporti Maltin.

Issa dokumentarju ġdid Olandiż kompla jiftaħ ferita ohra…kawża tad-deċiżjonijiet tal-Gvern Laburista.

F’dan id-dokumentarju kompla jinkixef l-abbuż ta’ din l-iskema ta’ bejgħ tal-passaporti, bil-ġurnalist imur iħabbat fuq bibien li suppost fihom jgħixu dawk li xtraw passaport Malti … imma ma jsibhomx hemm.

Dan minkejja li suppost, biex wieħed jikseb passaport Malti jrid mhux biss iħallas eluf imma wkoll jgħix f’Malta għal perjodu ta’ żmien.

Fost dawk li jippromwovu l-bejgħ tal-passaport Malti hemm ukoll Dimitry Kochenov, professur barrani li huwa wkoll konsulent ghall-Gvern ta’ Muscat fejn jidhlu l-passaporti. Mal-Olandizi…hu stess jammetti li m’hemmx għalfejn li wieħed jgħix f’Malta biex jakkwista passaport Malti.

Meta kien affaċċjat mill-mistoqsijiet tal-istazzjon Olandiż, Kochenov deher skomdu u ħarab milli jwieġeb.

Ma jweġibx lanqas dwar ftehim li l-Kunsill li tiegħu hu ċ-Chairman, iffirma.

Il-ġurnalist li ħadem fuq din l-istorja jiddikjara li sakemm ikollok basket mimli flus, tista’ ssir ċittadin Ewropew grazzi għall-Gvern Malti.