Edukazzjoni Lokali Saħħa

“Il-bejgħ tal-edukazzjoni medika f’Malta”

L-introduzzjoni tal-Iskola Medika Barts f’pajjiżna minn dejjem qajmet tħassib. U issa, dan it-thassib qed jinħass sew anke mill-istudenti tal-mediċina li jattendu l-kors tagħhom fl-Università ta’ Malta

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Università ta’ Malta mill-KSU kif ukoll mill-Assoċjazzjoni Medika tal-Istudenti Maltin, l-MMSA, tqajmu diversi aspetti li qed iħassbu lil dawn l-istudenti.

Fil-passat l-MMSA u l-KSU talbu biex ikun hemm assigurazzjoni mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll mill-aministrazzjoni tal-iskola medika ta’ Barts halli r-riżorsi fl-Isptar Mater Dei jkunu jistgħu jiġu użati mill-istudenti ta’ Barts mingħajr ma jkun hemm detriment ghall-istudenti mediċi fl-Università ta’ Malta.  Madanakollu l-Ministeru tas-Saħħa naqas milli jagħti assigurazzjoni fuq dan.

Hekk kif l-istudenti ta’ Barts mistennija jibdew l-esperjenza ta’ tagħlim tagħhom fl-Isptar Mater Dei mis-7 ta’ Ottubru, l-MMSA u l-KSU qed jaraw li jkun hemm transazzjoni faċli mingħajr ma jkun hemm impatt fuq l-istudenti mediċi tal-Università ta’ Malta.

L-MMSA qed tisħaq li r-riżorsi fl-Isptar Mater Dei huma limitati għal numru ta’ nies; għalhekk jekk l-istudenti ta’ Barts se jagħmlu użu wkoll minn dawn ir-riżorsi, dan se jsir b’detriment għall-istudenti l-oħra Għalhekk huma qed  jappellaw li għandu jkun hemm aktar investiment fir-riżorsi, sabiex finalment ikollna livell ta’ saħħa aħjar f’pajjiżna.

L-istudenti tal-mediċina minn dejjem kellhom it-tħassib tagħhom dwar dan kollu. L-MMSA kienu jitolbu għal iktar dettalji iżda kienu jingħataw biss tweġibiet foloz.

Il-President tal-MMSA Omar Chircop sostna li huwa importanti li ma jibqax ikun hemm iktar nuqqas ta’ trasparenza. Min-naħa tiegħu, William Farrugia, President tal-KSU saħaq li l-istudenti għandhom jintwerew rispett.

Fid-dawl ta’ dan kollu, ftit tal-jiem ilu l-MMSA u l-KSU bagħtu ittra lill-Ministru Chris Fearne jitolbu tweġibiet u soluzzjonijiet għal din il-kwistjoni. Però s’issa din l-ittra għadha ma ġietx imwieġba.

Tags