Lokali

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet għandhom jaraw l-interess ta’ pajjiżna

Illum huwa mistenni li l-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet jiddeċiedi fuq l-ordni tas-Segretarju Parlamentari Chris Agius biex numru ta’ poteri jkunu delegati mill-Bord u jingħataw lil individwu wiehed, il-Kap Eżekuttiv James Piscopo, li huwa wkoll l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Fi stqarrija il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Gvernaturi biex fid-deċiżjoni tagħhom jaraw l-interess ta’ pajjiżna, u jwarrbu l-kuluri partiġġjani. Huwa fakkar li l-Awtorità tal-Artijiet twaqqfet sabiex ma jkomplux isiru l-iskandli li rajna fil-leġislatura li għaddiet fid-Dipartiment tal-Artijiet fosthom Cafe Premier, Australia Hall u Strada Zekka.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Oppożizzjoni se tkun qed tipproteġi u tiddefendi kull gvernatur li jqum sabiex jiddefendi l-interess nazzjonali, sabiex id-deċiżjonijiet  fl-Awtorità tal-Artijiet ma jibdewx jittieħdu minn persuna waħda b’mod partiġġjan, għaliex f’idejhom hija r-responsabbiltà li nħarsu it-tmexxija tal-artijiet tagħna lkoll.