Iċ-champions lokali Neptunes komplew jaħdmu biex iżommu l-iskwadra kompetittiva li għandhom hekk kif waslu fi ftehim biex ġeddew il-kuntratt ta’ Stevie Camilleri sal-2024. Camilleri hu l-captain il-ġdid tat-tim wara li rtira Niki Lanzon, liema sitwazzjoni kienet seħħet ukoll meta Lanzon kien irtira minn mat-tim nazzjonali.
Stevie Camilleri hu meqjus bħala l-aqwa plejer lokali u wieħed mill-aqwa ta’ kull żmien, b’karriera mimlija suċċessi. Il-plejer ta’ 32 sena dejjem lagħab ma’ Neptunes u mat-tim tal-kbar rebaħ il-Kampjonat tas-Sajf 10 darbiet, sitt darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa, sitt darbiet in-knock-out u tmien darbiet it-Tazza tal-President.
B’mod personali, Camilleri rebaħ il-Plejer tas-Sena seba’ darbiet u ilu jilgħab barra l-pajjiż għal diversi snin. Fil-preżent hu jilgħab fl-ogħla diviżjoni Taljana ma’ Roma, klabb li kien ingħaqad miegħu f’Settembru tal-2017 meta t-tim kien għadu fis-Serie A2. Hu kellu staġun mill-aqwa fejn spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat b’66 gowl minn 22 logħba, b’Roma jiksbu l-promozzjoni mat-tielet tentattiv tagħhom.
L-istaġun li għadda, Camilleri kien is-sitt l-aqwa skorer fil-kamponat A1 u reġa’ kien l-aqwa skorer ta’ Roma bi 53 gowl, b’Roma jispiċċaw fis-sitt post minn 14-il tim. Dan minbarra gowls f’kompetizzjonijiet oħra għal total ta’ 125 gowl f’sentejn. Mat-tim nazzjonali hu lagħab fosthom fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew u fl-2016 f’Belgrad kien spiċċa l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni.
Din l-aħbar issegwi dik ta’ ftit jiem ilu hekk kif wara ħidma mill-President Matthew Bonello, Neptunes assiguraw il-firma tal-Montenegrin Aleksandar Ivovic għall-istaġun tas-sajf tal-2021.
//= $special ?>