Lokali

Il-Gvern qed jikser il-ħakma tad-Dritt f’Malta

L-Oppożizzjoni ilha minn April, flimkien mas-soċjetà ċivili, twissi lill-Gvern li jeħtieġ li l-metodu tal-ħatriet għall-bank tal-ġudikatura jiġi aġġornat għaż-żminijiet tal-lum, u dan anke kif esprimiet il-fehma tagħha l-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa. Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Il-Qorti tal-Appell dalgħodu qalet li tosserva illi tagħraf illi l-liġi ma hijiex statika u illi, ukoll mingħajr bidla fil-liġi statutorja, dak li kien tajjeb u validu fl-imgħoddi mhux bilfors jibqa’ tajjeb u validu llum. Fi kliem ieħor, il-fatt li mħallfin u maġistrati dejjem hekk inħatru fl-imgħoddi, u ma kien hemm xejn ħażin li sar hekk, ma jfissirx bilfors li llum dan il-metodu ta’ ħatra għadu sodisfaċenti. Dan qiegħed jingħad partikolarment – għalkemm għal kollox mingħajr mal-qorti b’xi mod tippreġudika l-kwistjoni – fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ta’ Venezja.

Dawn il-kliem, magħduda mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell li tiċħad l-appell tal-Avukat Ġenerali li għan-nom tal-Gvern ried li dalgħodu din il-kawza tinqatel u tindifen, ifissru ħaġa waħda: l-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili għandhom raġun jinsistu li l-Gvern qed jikser il-ħakma tad-dritt f’Malta.

Adrian Delia saħaq li mhux sodisfatt, iżda inkwetat ħafna, li wasalna s’hawn tort is-suppervja tal-Gvern li jrid jaħkem il-Qrati wkoll. Huwa għalhekk imperattiv li llum qabel għada l-Gvern jgħaddi sabiex flimkien mal-Oppożizzjoni jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja ħalli verament juri li teżisti s-saltna tad-dritt hawn Malta.