Il-Ġimgħa l-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali li l-għaqda tas-soċjeta ċivili Repubblika m’għandhiex dritt tikkontesta fil-qrati l-indħil tal-gvern fil-ħatriet tal-maġistrati u l-imħallfin.
Dan issa jfisser li quddiem il-Qorti Kostituzzjonali se tkompli tinstema’ l-kawża ta’ Repubblika kontra l-Gvern dwar kif jinħatru l-maġistrati u l-imħallfin.
Il-Qorti qalet li “Il-liġi mhix statika u, anke mingħajr bidla fil-liġi statutorja, dak li kien tajjeb u validu fil-passat mhux neċċessarjament jibqa’ hekk illum. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-imħallfin u l-maġistrati kienu dejjem maħtura b’tali mod fil-passat, ma jfissirx li llum tali metodu tal-ħatra huwa tajjeb.”
L-Avukat Ġenerali kien għamel talba lill-Qorti tal-Appell biex twaqqaf il-kawża ta’ Repubblika minħabba li skontu, il-Kostituzzjoni u t-Trattat tal-Unjoni Ewropea ma jagħtuhiex id-dritt li tagħmel kawża bħal din. Dwar dan, il-Qorti ċaħdet dan l-appell.
Permezz ta’ stqarrija, Repubblika tenniet li l-Qorti qablet mal-Avukat Ġenerali li l-Ministru Owen Bonnici m’għandux għalfejn jibqa’ jwieġeb f’dan il-każ iżda minflok, il-kawża għandha tkompli kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Repubblika kompliet li l-Qorti ċaħdet ukoll it-talba li tordna lill-Gvern milli jkompli bil-ħatriet ta’ Imħallfin u anki Maġistrati ġodda sekemm tkun deċiża l-kawża tal-istess Repubblika.
Repubblika kienet rappreżentata mill-avukati Simon Busuttil u Jason Azzopardi filwaqt li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja kienu rappreżentati mill-Avukat Ġenerali Peter Grech.
Il-Qorti Kostituzzjonali kienet preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi flimkien mal-Imħallfin Noel Cuschieri u Giannino Caruana Demajo.
//= $special ?>