Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad l-appell tal-Avukat Ġenerali fil-konfront ta’ Repubblika

"Il-fatt li l-ġudikanti u l-maġistrati ġew maħtura fil-passat mill-Prim Ministru ma jfissirx li tali metodu ta' ħatra huwa sodisfaċenti fiż-żminijiet preżenti"

Il-Ġimgħa l-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali li l-għaqda tas-soċjeta ċivili Repubblika m’għandhiex dritt tikkontesta fil-qrati l-indħil tal-gvern fil-ħatriet tal-maġistrati u l-imħallfin.

Dan issa jfisser li quddiem il-Qorti Kostituzzjonali se tkompli tinstema’ l-kawża ta’ Repubblika kontra l-Gvern dwar kif jinħatru l-maġistrati u l-imħallfin.

Il-Qorti qalet li “Il-liġi mhix statika u, anke mingħajr bidla fil-liġi statutorja, dak li kien tajjeb u validu fil-passat mhux neċċessarjament jibqa’ hekk illum. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-imħallfin u l-maġistrati kienu dejjem maħtura b’tali mod fil-passat, ma jfissirx li llum tali metodu tal-ħatra huwa tajjeb.”

L-Avukat Ġenerali kien għamel talba lill-Qorti tal-Appell biex twaqqaf il-kawża ta’ Repubblika minħabba li skontu, il-Kostituzzjoni u t-Trattat tal-Unjoni Ewropea ma jagħtuhiex id-dritt li tagħmel kawża bħal din. Dwar dan, il-Qorti ċaħdet dan l-appell.

Permezz ta’ stqarrija, Repubblika tenniet li l-Qorti qablet mal-Avukat Ġenerali li l-Ministru Owen Bonnici m’għandux għalfejn jibqa’ jwieġeb f’dan il-każ iżda minflok, il-kawża għandha tkompli kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Repubblika kompliet li l-Qorti ċaħdet ukoll it-talba li tordna lill-Gvern milli jkompli bil-ħatriet ta’ Imħallfin u anki Maġistrati ġodda sekemm tkun deċiża l-kawża tal-istess Repubblika.

Repubblika kienet rappreżentata mill-avukati Simon Busuttil u Jason Azzopardi filwaqt li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja kienu rappreżentati mill-Avukat Ġenerali Peter Grech.

Il-Qorti Kostituzzjonali kienet preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi flimkien mal-Imħallfin Noel Cuschieri u Giannino Caruana Demajo.